Saturday, December 21, 2024

L-opri tal-Milied

Aqra wkoll

Kitba ta’ Peter Paul Ciantar 

L-opri tal-Milied huma naturalment dawk l-opri bbażati jew fuq it-Twelid ta’ Ġesù Bambin jew stejjer sekulari marbuta mal-Milied. Mhux soltu li wieħed jikteb dwar l-opri tal-Milied għax naturalment f’dawn il-ġranet ta’ ferħ wieħed ikun aktar iffukat fuq mużika ta’ dawk l-għanjiet sbieħ tal-Milied u korali. Iżda r-repertorju operistiku tal-Milied huwa mfawwar b’opri tal-Milied … u m’iniex qed nesaġera meta ngħid huwa mfawwar u ngħidilkom mill-bidu nett li huwa diffiċli li nsemmi l-opri kollha marbuta mal-Milied … wieħed jiskanta iżda huwa fatt.

L-ewwel opri tal-Milied dehru fil-bidu tas-seklu 17, ftit wara l-ħolqien tal-forma tal-arti. Minħabba l-projbizzjoni fuq xogħlijiet teatrali sekulari matul l-istaġun tal-Avvent, dawn l-opri tal-Milied bikrija, filwaqt li kienu mtellgħa b’mod elaborat, kienu bbażati fuq temi reliġjużi marbuta man-Natività. 

Sa nofs is-seklu 19, il-projbizzjoni fuq opri sekulari matul l-Avvent kienet waqfet u għalhekk ħarġu opri bbażati fuq firxa aktar wiesgħa ta’ temi tal-Milied, bħal Santa Klaws u r-Re Wenceslas. Insemmi wkoll li diversi opri ġew ispirati minn ‘A Christmas Carol’ ta’ Charles Dickens.

L-istorja tal-Maġi kienet ukoll il-bażi ta’ diversi opri oħra, fosthom l-opra ‘Amahl’ ta’ Gian Carlo Menotti. Hawn tajjeb ngħidu li din l-opra saret l-unika opra moderna tal-Milied li kisbet post dejjiemi fir-repertorju tal-opri.

Insemmu wkoll li fis-seklu 21, l-opra ‘Silent Night’ (2011) tal-kompożitur Amerikan Kevin Puts kisbet ukoll suċċess u rebħet il-Premju Pulitzer għall-mużika fl-2012.

Issa ħbieb se nipprova nagħti lista ta’ opri tal-Milied; u tant hemm li nħossha diffiċli biex nara kif se nispiċċaha. Minħabba l-ispazju se nsemmi biss il-kompożitur tal-opra u nħalli barra l-librettista. 

Opri tas-sekli 17 u 18

‘Il Gran Natale di Christo Salvator Nostro’ ta’ Giovanni Battista da Gagliano u Jacopo Peri, opra li dehret nhar il-Milied tas-sena 1622. 

‘Per la notte del santissimo Natale’ ta’ Carlo Francesco Cesarini; din ukoll dehret nhar il-Milied tas-sena 1696 f’Ruma.

‘Il Genere umano consolato’ ta’ Quirino Colombini’ li wkoll dehret fil-Milied tas-sena 1704 f’Ruma.

‘Per la festività del Santo Natale’ ta’ Giovanni Battista Costanzi: din kienet dehret għall-ewwel darba fit-2 ta’ Jannar tas-sena 1727 f’teatru privat tal-Kardinal Ottoboni fil-Palazzo della Cancelleria Ruma. 

‘The Christmas Tale’ ta’ Charles Dibdin li dehret fis-27 ta’ Diċembru, 1773, fi ‘Drury Lane Theatre’, Londra. 

‘Die Weihnacht auf dem Lande’ (Il-Milied fil-pajjiż). Din hija ġabra ta’ għanjiet komiċi (Singspiel) fi tliet atti ta’ Johann Baptist Schenk, u dehret għall-ewwel darba f’Diċembru, 1786, fi Vjenna. 

Opri tas-seklu 19 

Iż-żarzwela (opra Spanjola) tidħol ukoll fir-repertorju tal-Milied. Hawn insemmi ‘El Turron de Nochebuena’ (It-Turron f’lejlet il-Milied). Din iż-żarzwela f’att wieħed hija ta’ Cristobal Oudrid u dehret f’lejlet il-Milied tas-sena 1847 f’Madrid. 

‘La Nuit de Noël’ (Il-Lejl tal-Milied), opra komika fi tliet atti ta’ Henri Reber (hawn insemmi l-librettista għax huwa wieħed popolari, Eugene Scribe). Din l-opra dehret għall-ewwel darba fid-9 ta’ Frar tas-sena 1848 f’Pariġi. 

‘El pavo de Navidad’ (Id-Dundjan tal-Milied), żarżwela oħra f’att wieħed, ta’ Francisco Asenjo Barbieri. Din kellha l-ewwel rappreżentazzjoni tagħha f’Madrid fl-24 ta’ Diċembru, 1866.

‘Vakula the Smith’, ta’ Tchaikovsky, dehret għall-ewwel darba fis-6 ta’ Diċembru, 1876, f’St Petersburg ir-Russja. Din l-opra wkoll hija bbażata fuq storja qasira ta’ lejlet il-Milied tal-famuż Gogol. Hawn insemmi wkoll li din l-opra kellha reviżjoni u  dehret bl-isem ta’ ‘Cherevichki’. Din il-verżjoni l-ġdida kienet saret fil-‘Bolshoi Mosca’ ħdax-il sena wara. 

‘Noël ou Le mystère de la Nativité’ (Il-misteru tan-Natività), opra f’erba’ xeni ta’ Paul Vidal, dehret għall-ewwel darba fil-25 ta’ Novembru, 1890, f’Pariġi. 

Opra oħra li għad fadlilha popolarità hija ‘Christmas Eve’ ta’ Rimsky-Korsakov, opra li wkoll hija bbażata fuq l-istejjer qosra ta’ Gogol (Christmas Eve). Din l-opra kienet dehret għall-ewwel darba f’St. Petersburg fl-10 ta’ Diċembru, 1895.

‘La Cena del Nochebuena’ (L-ikla ta’ filgħaxija ta’ lejlet il-Milied), opra f’att wieħed ta’ Rafael Calleja Comez, kienet dehret għall-ewwel darba fl-24 ta’ Diċembru, 1896, f’Madrid.

Opri tas-seklu 20 

Mill-opri tas-seklu 20 … u hawn insibu lista twila … se nsemmi biss l-isem tal-opra u l-kompożitur.

‘Ein weihnachtsmarchenspel’ (Il-ħrafa tal-Milied) ta’ Sigwart zu Eulenburg.

‘Die Weihnach’ (Il-lejl tal-Milied) ta’ Alberto Gentili. 

‘Yolka’ (Is-siġra tal-Milied), ta’ Vladimir Rebikov, opra f’att wieħed għat-tfal.

‘In Knecht Ruprechts Werkstatt’ (Il-ħanut tax-xogħol ta’ Knecht Ruprecht) ta’ Wilhelm Kienz.

‘Noël’ (Il-Milied) ta’ Frederic Alfred d’Erlanger.

‘Les cadeaux de Noël’ (Ir-rigali tal-Milied) ta’ Xavier Leroux.

‘Das Christ-Elflein’ (Christ’s Little Elf – Is-saħħar ċkejken ta’Kristu) ta’ Hans Pfitzner.

‘A Christmas Tale’ ta’ Eleanor Everest Freer. 

‘Weihnach’ (Il-Milied), opra għar-radju ta’ Werner Egk. Dan il-kompożitur Ġermaniż għandu opra oħra tal-Milied, ‘Christmas in the Metropolis’, opra wkoll għar-radju. 

‘The Christmas Rose’ ta’ Frank Bridge, kompożitur Ingliż popolari. 

‘Magyar Karacsony’ (Il-Milied Ungeriz) ta’ Jeno Adam.

‘Il Natale di Gesù’ (It-twelid ta’ Ġesù) ta’ Franco Vittadini.

Ħbieb, nieqaf hawn għax hemm ħafna u ħafna aktar opri  kollha marbuta mal-Milied, u dawn kollha ħarġu minn kompożituri tas-seklu 20.  

Ngħidilkom is-sewwa, qabel bdejt infittex dwar dan is-suġġett ħsibt li se nsib ftit … iżda arrali bil-bosta, tant li kelli nieqaf hawn għal dan l-artiklu tiegħi dwar opri xierqa għal dan iż-żmien tal-Milied. Iżda nkun qed nonqos jekk ma nsemmix għallinqas dawn li ġejjin.

Fl-opra ‘Werther’ tal-famuż Massenet, il-protagonista jikkommetti suwiċidju f’lejlet il-Milied waqt li kor tat-tfal ikun qed ikanta għanjiet sbieħ tal-Milied … xena verament kommoventi ħafna. Fl-opinjoni tiegħi din hija x-xena l-aktar makabra fil-qasam operistiku. 

Insemmi wkoll l-opri ta’ Gilbert u Sullivan ‘The Sorcerer’ u ‘Thespis’ li oriġinalment ġew imfassla bħala mużika  divertenti għal xi serata ta’ żmien il-Milied … iżda f’dawn iż-żewġ opri m’hemm xejn marbut mas-suġġett tal-Milied.

Iżda ħbieb tiegħi, l-opra l-aktar popolari għal dawn iż-żminijiet tal-ġranet tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena hija ‘Hansel and Gretel’ ta’ Humperdinck. Din hija opra li m’għandha x’taqsam xejn mas-suġġett tal-Milied iżda hija mibnija fuq il-ħrafa famuża ta’ Hansel u Gretel. Din l-opra titkanta mit-tfal iżda hija opra ta’ pjaċir mużikali kbir mhux biss għat-tfal iżda anke għall-kbar.

Sinjuri, nixtieq nikteb aktar dwar dan is-suġġett tal-Milied fil-qasam tal-opra iżda nieqaf hawn u ntemm l-artiklu billi nixtieq il-Milied it-tajjeb u s-sena t-tajba lilkom u lill-familji tagħkom. 

Ekonomija

Sport