Saturday, May 4, 2024

L-oqbra miftuħin fl-Addolorata: Rutina li jsir it-tindif fl-ewwel kwart tas-sena

Aqra wkoll

Wara li fl-aħħar ġimgħat dehru ritratti ta’ għadam tal-mejtin fi bramel u diversi oqbra miftuħin fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata

Minn MELVIN FARRUGIA

Wara li fl-aħħar ġimgħat dehru ritratti ta’ għadam tal-mejtin fi bramel u diversi oqbra miftuħin fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Inewsmalta għamel kuntatt mal-Ministeru tas-Saħħa biex jifhem eżatt dak li qed jiġri.

Il-kelliema spjegatilna li dan li jidher fir-ritratti hu tindif tal-oqbra li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija Campo Santo. Spjegat li bħala kumpanija avżat lill-pubbliku permezz tal-midja soċjali li kien se twettaq dan it-tindif fiċ-ċimiterju.

Dwar dak li qed jiġri, il-kelliema qaltilna li skont l-Att dwar id-Dfin, il-Gvern Malti hu obbligat li jipprovdi post għad-dfin lil dawk kollha li m’għandhomx qabar. Għalhekk, hi prassi ta’ rutina li t-tindif tal-oqbra tal-komun isir b’mod regolari fl-ewwel kwart tas-sena.

Fl-istess kuntest, spjegatilna li hemm prassi stabbilita fejn il-qraba jistgħu jinformaw lill-amminstrazzjoni taċ-ċimiterju jekk ikunux jixtiequ jittrasferixxu l-fdalijiet ta’ qrabathom f’qabar jew inkella f’ċimiterju ieħor. Sakemm isir dan it-trasferiment, il-fdalijiet jinżammu f’oqbra apposta.

Il-kelliema qalet li hi r-responsabbiltà tal-qraba li jinformaw lill-awtoritajiet bl-intenzjonijiet tagħhom qabel ma jgħaddu sentejn.

Intant, rigward il-bramel li fihom dehru l-għadam tal-mejtin, il-kelliema qalet li dawn huma bramel li jintużaw biss biex jiġu sseparati l-fdalijiet umani minn fdalijiet oħra. Saħqet li l-għadam kollu jinġabar u jitpoġġa fl-ossarju b’mod dinjituż.

Sport