Tuesday, April 23, 2024

“Fil-parlament aħna nivvutaw bil-qalb biex inkomplu ngħinu lin-nies” – il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

Meta fis-sena 2005, kien beda jogħla il-prezz taż-żejt, il-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien immexxi minn Lawrence Gonzi kien iddeċieda li jgħolla l-prezz tal-fjuwil u dan billi saret surcharge fuqu. Dan kien wassal biex għola il-prezz tad-diesel u l-fjuwil.  Dan jikkontrasta bil-kbir mar-realtà ta’ bħalissa fejn minkejja l-isifdi li ħolqot il-pandemija u fejn qed naraw il-prezz tal-fjuwil qed jogħla, il-Gvern Laburista permezz ta’ avviż legali qed inaqqas it-taxxa fuq il-petrol u l-fjuwil u dan biex il-piż ma jispiċċax fuq il-konsumaturi u l-operaturi.  Dan sostnieh il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament meta tkellem fl-estimi finanzjarji tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Hu ddikjara li llum Malta għandha l-orħos prezz tal-petrol fiż-żona Ewro u fost l-irħas prezz tad-diesel fl-Unjoni Ewropea. 

“Aħna nifhmu li dak li qed ngħixu bħalissa huwa mument partikolari u għax ħadna d-deċiżjonijiet li ħadna, illum f’Malta għandna l-orħos prezz tad-dijżil fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Għandna wkoll l-orħos prezz tal-petrol fiż-żona Ewro. Kieku aħna għamilna kif kontu tagħmlu intom, u bqajna ċassi, kien ikun ifisser li kull min għandu karozza kien ikollu jħallas €5 fil-ġimgħa iżjed biex ikun jista’ jieħu l-fjuwil. Imma dan il-gvern kien proattiv u aġixxa. Ħadna d-deċiżjonijiet kollha li kien hemm b’mod tajjeb u fil-mument opportun.”

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru semma kif l-Oppożizzjoni kienet tgħid li se jitilqu ħafna kumpaniji tal-gaming. Hu qal li ngħid li “fis-settur tal-gaming, il-Malta Gaming Authority matul is-sena kellha aktar applikazzjonijiet mis-sena 2020. Kienu se jgħidulna li se jitilqu ħafna kumpaniji, imma ir-realtà hi li telqu anqas u ġew aktar.”

L-ekonomija ta’ pajjiżna tpoġġiet mal-aktar ekonomiji b’saħħithom

Tkellem dwar l-ekonomijia reżiljenti, xi ħaġa li jgħiduha istituzzjonijiet rispettati internazzjonali. Semma rapport l-Aġenzija Scope Ratings li fl-aħħar jiem qalu li l-ekonomija ta’ pajjiżna tpoġġiet mal-aktar ekonomiji b’saħħithom fost l-oħrajn mal-Iżvizzera u mal-Ġappun. Qal li fatturi li wasluhom għal din il-konklużjoni tagħhom, hija li meta tkellmu fir-rigward tal-ekonomija Maltija rreferew bis-saħħa għall-investiment dirett barrani li għandna fuq skala kbira. Qal li din tikkuntrasta mal-istampa li qed tipprova tagħti l-Oppożizzjoni.

“L-Oppożizzjoni tgħidilna li se jfalli dan il-pajjiż, filwaqt li Scope Ratings qed jgħidu li fost l-affarijiet li jżommu b’saħħithom l-ekonomija Maltija hi li pajjiżna għandu livell moderat ta’ dejn,” qal Abela filwaqt li semma x’qalet il-Kummissjoni Ewropea fejn tat stampa kompletament differenti minn dik li qed tipprova tpinġi l-Oppożizzjoni. 

Abela fakkar fil-billboard tal-Oppozizzjoni fejn qalu li għandna l-agħar jew l-akbar riċessjoni fl-aħħar 40 sena. “B’kuntrast l-ekonomisti tal-KE qed ibassru li s-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija se jkollha l-akbar tkabbir minn fost l-istati membri kollha,” qal Abela.

“Tal-Oppożizzjoni jbassru l-fallimenti, mentri l-esperti tal-KE qed jirrevedu ‘l fuq għal darb’oħra t-tbassir tagħhom. It-tbassir li għamlu ‘l fuq għamluh fl-istess waqt li rrevedew l-isfel it-tbassir li għamlu dwar pajjiżi oħrajn. Sinjal wara ieħor ta’ kemm teżisti fiduċja f’pajjiiżna,” qal il-Prim Ministru.

Qal li għall-Oppożizzjoni kollox ħażin u ħlief negattiv ma jaħsbux. “Ħlief ixxerdu d-dwejjaq ma tagħmlux u taf għaliex tagħmlu dan? Biex tippruvaw toħonqu l-ħolqien tal-ġid u dejjem tixtiequ li tasal it-tmiem tal-magna ekonomika li ħoloq dan il-partit kemm ilu fil-gvern. Darba wara l-oħra nurukom bil-fatti kif din il-magna mhux se tieqaf toħloq il-ġid għal dan il-pajjiż,” qal Abela 

“Fil-parlament aħna nivvutaw bil-qalb biex inkomplu ngħinu lin-nies”

Abela aċċenna għal dak li qalet l-Oppożizzjoni fejn għamlu ġimgħat jgħidu lill-poplu li dan huwa budget li se jressquh biss biex imbagħad immorru għall-kampanja elettorali u għall-elezzjoni. “Spiċċajtu temmnu l-ispinn tagħkom infuskom,” qal Abela filwaqt li żied jgħid: “Dan il-budget mhux biss abbozzajnih u ressaqih iżda se nivvutaw dwaru wkoll biex napprovawh. Hekk imbagħad inkomplu nwettquh. Sal-lum diġà hemm miżuri li daħlu fis-seħħ.”

Fost l-oħrajn semma l-inċentivi b’saħħithom li l-gvern ta biex in-nies ikunu inċentivati biex jixtru vetturi elettriċi.

“Apparti minn hekk, meta fi ftit ġimgħat oħra se nivvutaw għal dan il-baġit, se nkunu qed nivvutaw bil-qalb mhux biex ngħollu l-kontijiet kif kontu tagħmlu intom imma biex ngħollu l-pensjonijiet. Se nivvutaw bil-qalb  ukoll biex nerġgħu nżidu l-in work benefit. Se nivvutaw ukoll biex inżidu l-mediċini u s-servizzi tas-saħħa b’xejn u se nivvutaw bil-qalb ukoll biex nagħtu tax-refund ieħor lil aktar minn 250,000 persuna.”

Fakkar li kien hemm min kien jivvota bil-qalb biex jiżdiedu l-piżijiet u l-kontjiet. “Fil-parlament aħna nivvutaw bil-qalb biex inkomplu ngħinu lin-nies. Sal-ġimgħa li għaddiet stess ippubblikajna avviż legali li permezz tiegħu se nnaqsu t-taxxa minn fuq il-fjuwils bil-għan li nkunu nistgħu nżommu l-prezzijiet tal-fjuwils baxxi f’mument fejn qed nirkupraw mill-pandemija.”

Sport