Wednesday, April 24, 2024

L-inqas ammont ta’ immigranti li waslu f’Malta fl-aħħar 20 sena

Aqra wkoll

Meta tkellem fl-estimi finanzjarji tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni irregolari fejn qal li “din l-isfida hi xi ħaġa ta’ kuljum.  L-Uffiċċju tiegħu u dak tal-Ministru tal-Intern ta’ kuljum irridu nilqgħu għaliha. Filgħodu, filgħaxija u bil-lejl kontinwament niffaċċjaw din l-isfida. Qed isir ħafna xogħol biex il-wasliet jibqa’ baxx. F’Mejju tas-sena l-oħra iffirmajna ftehim mal-awtoritajiet Libjani. Kien hemm min qalilna dakinhar li l-Libja mhix is-soluzzjoni. M’aħniex qed ngħidu li l-problema solveniha għax mhux il-każ. Araw x’qed jiġri f’Lampedusa u fi Sqalija. Kien hemm 2,000 immigrrant li waslu f’Lampedusa f’ġurnata waħda. Dan hu dak li qed jiffaċċjaw ta’ madwarna.”

Żied jgħid: “Fl-aħħar għoxrin sena kellna fejn ġew 1,500 jew 2,000 immigrant fis-sena.  Mil-Libja kienu qed jgħidulna li kien hemm 800,000 immigrant li kienu qed jippreparaw biex jitilqu. Kellna it-tfixkil u ma qtajniex qalbna. Għedna li din hi pressjoni sproporzjonata u rridu nilqgħu għaliha. Il-ħidma waslet biex naqsu l-wasliet.  Sa llum għandna wieħed mill-anqas numru ta’ wasliet fl-aħħar għoxrin sena. Se nibqgħu kawti għax nafu li ġurnata tista’ tibdel kollox. Il-messaġġ hu li l-ħidma tagħna trid tibqa’ dik li twassal il-messaġġ li pajjiżna ma jistax iġorr piżijiet li ma jiflaħx”.

Enfasizza li “se nkompu nagħmlu tibdil u investiment biex min ħaqqu jieħu protezzjoni imma inkunu sodi ma’ min jabbuża mill-proċess. Fuq rilokazzjoni kellna nikkonvinċu stati oħra biex jaqsmu l-piż ta’ rilokazzjoni.”

Sport