Sunday, December 22, 2024

“L-Uffiċċju tal-PM ma jittollera l-ebda illegalità”

- L-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aqra wkoll

B’referenza għal rapport ippubblikat fis-Sunday Times of Malta, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru reġa’ kkonferma li meta kien hemm xamma ta’ allegat abbuż, lura fl-2021, dan ġie riferut mill-ewwel lill-Korp tal-Pulizija u b’hekk m’hemmx prova aqwa minn din kif l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma jittollera ebda illegalità.

Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġie spjegat li, “eventwalment, meta sar magħruf kif bdew jiżviluppaw l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, ittieħdu minnufih ukoll id-deċiżjonijiet politiċi. Mingħajr ebda tkaxkir tas-saqajn. Iktar minn hekk, ma jirriżulta minn imkien li xi ħadd fil-customer care ta’ Kastilja ddirezzjona lil xi persuna biex tagħmel xi ħaġa li hija illegali”.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru sostna li minn dak irrapportat u li ntqal jirriżulta li dawn il-persuni li kellmu lis-Sunday Times diġà ġew mitkellma u investigati mill-awtoritajiet. Il-Gvern qiegħed iħeġġeġ lil dawn il-persuni biex jipproduċu kwalunkwe prova oħra meħtieġa, mhux l-inqas billi jsemmu l-persuni involuti biex jissostanzjaw dak li ntqal pubblikament u jgħinu lill-Pulizija fl-investigazzjoni tagħha u ssir ġustizzja. 

Ingħad li dawn il-persuni li saret referenza għalihom minn min tkellem għandhom bil-provi meħtieġa jkunu mressqa quddiem il-ġustizzja, għax hekk biss isir ħaqq magħhom u mas-soċjetà.

“Hekk biss wieħed ikun jista’ jifred dak li huwa minnu u ppruvat, minn kummenti u insinwazzjonijiet maħsuba biex jieħdu kapital politiku. Ta’ min jinnota wkoll kif fl-aħħar jiem saru wkoll diversi akkużi bla bażi. Uħud diġà kellhom ikunu irtirati. Għalhekk jidher ċar li hemm min qiegħed juża dan il-każ għal skopijiet ulterjuri u lest jimmanipula l-informazzjoni li jkollu,” kompliet l-istqarrija.

Iktar minn hekk il-Gvern mhux biss huwa interessat li ssir ġustizzja, iżda huwa interessat ukoll li jsaħħaħ is-sistemi tiegħu biex tonqos il-possibbiltà ta’ każi ta’ allegat abbuż. 

Minkejja li jeżistu sistemi robusti kontra l-abbuż fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u d-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza, tant li kienu bis-saħħa tagħhom ukoll li ġew identifikati numru ta’ każi suspettużi u ġew riferuti lill-Pulizija, il-Gvern iħoss li għandu jkun hemm evalwazzjoni tal-proċessi biex dawn ikunu msaħħa fejn meħtieġ.

Għalhekk, indipendentement minn kull investigazzjoni tal-Pulizija, il-Gvern ħatar Bord independenti kompost minn tliet membri biex jevalwa l-proċess ta’ kif jiġi approvat l-għoti tal-Benefiċċju għal Diżabilità Severa.

Fuq kollox fl-aħħar snin dan kien l-iktar Gvern li daħħal miżuri li permezz tagħhom daħħal il-kunċett li jaqbillek taħdem – making work pay – u saħansitra naqset u mhux żdiedet id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali. Għalhekk il-Gvern huwa determinat li l-benefiċċji soċjali jmorru biss għand min ħaqqu. 

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru nsista li hija wkoll bla bażi l-allegazzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li seta’ kien hemm abbuż marbut ma’ xiri ta’ voti, iktar u iktar meta qabel l-elezzjoni ġenerali kienu diġà ttieħdu passi sodi fuq dan il-każ li jġibu fix-xejn din l-insinwazzjoni.

“Li huwa żgur huwa li dwar dan il-każ l-awtoritajiet ħadu u se jibqgħu jieħdu l-passi kollha li kellhom jieħdu. Kuntrarju għal kif seħħ fi snin imgħoddija taħt amministrazzjoni differenti”.

Ekonomija

Sport