Sunday, December 22, 2024

L-Ukrajna, ir-Russja u l-Lemin Estrem

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fid-diversi dikjarazzjonijiet li għamel Vladimir Putin rigward ir-raġunijiet għalfejn huwa ddeċieda li jinvadi lill-Ukrajna, minbarra dik li r-Russja ma tista’ qatt taċċetta li jkun hemm il-preżenza tan-NATO wara biebha, il-President Russu kemm-il darba semma wkoll is-suppost theddida li huwa jara ġejja mill-element neo-Nażisti, li l-Gvern Russu ilu s-snin jallega li hemm ġewwa l-Ukrajna.

Minkejja li huwa fatt magħruf li ġewwa l-Ukrajna, bħal fuq kollox ġewwa kważi l-pajjiżi kollha tal-punent, hemm gruppi li jħaddnu ideoloġija tal-lemin estrem, it-theddida li dawn jistgħu joffru lill-Russja hija waħda limitata ħafna. L-ironija hija li hi l-istess politika aggressiva ta’ Putin fil-konfront tal-Ukrajna li mhux biss żammet l-ideoloġija tal-lemin estrem ħajja f’dawn l-aħħar 20 sena ġewwa l-Ukrajna, iżda saħansitra qiegħda ssaħħaħha.

Il-‘qawmien’ tal-lemin estrem Ukren

L-ideoloġija Nazista ilha preżenti ġewwa l-Ukrajna sa minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-fatt, jeżistu ħafna dokumenti li juru kollaborazzjoni diretta minn gruppi tal-lemin estrem mat-truppi Nazisti ta’ Adolf Hitler matul l-invażjoni tar-Russja, invażjoni li eventwalment kienet waslet sabiex il-Ġermanja Nażista tilfet it-Tieni Gwerra Dinjija. Huwa proprju għalhekk li minn dejjem kienet teżisti ċerta antipatija mir-Russi fil-konfront tal-Ukreni.

Wara l-waqgħa tal-Komuniżmu, l-influwenza politika ta’ gruppi neo-nazisti kienet wahda fjakka, tant li dawn kienu kkonċentrati fuq xi attakk ‘l hawn u ‘l hemm fuq iż-żingari li jgħixu ġewwa l-Ukrajna.

Però, l-influwenza tal-lemin estrem Ukren fil-politika tal-Ukrajna ħadet ir-ruħ fl-2014, wara li l-gvern Ukren, wara pressjoni kbira minn Moska, kien naqas milli jiffirma ftehim li kien prattikament diġà lest, ta’ kollaborazzjoni mal-Unjoni Ewropej, Din il-mossa favur ir-Russja mill-Gvern Ukren kienet waslet għal ħafna protesti organizzati fost oħrajn minn dawn il-gruppi tal-lemin estrem, protesti li kienu żiedu xi ftit il-popolarità tagħhom fost l-elettorat Ukren. 

Ġellieda qalbiena

Dawn il-protesti kontra l-indħil minn Moska fil-politika Ukrena kienu waslu sabiex Putin jirritalja b’mod tassew goff u jinvadi l-Krimea. Barra minn hekk, fl-2014, Putin kien bagħat kontinġenti militari sabiex jgħinu lir-ribelli separatisti tad-Donetsk, reġjun fil-lvant tal-Ukrajna. Kien appuntu fil-ġlied ġewwa d-Donetsk li spikkat il-qlubija ta’ forsi l-aktar grupp neo-nażista famuż Ukren, jiġifieri l-milizzja tal-Azov, milizzja li ġġieldet b’ferocità kbira kontra s-separatist u l-truppi Russi.

Kien proprju din il-qlubija li wisq probabli waslet sabiex il-politiċi Ukreni għamlu żball strateġiku u taw skuża tajba lil Putin sabiex iqabbad difrejgħ magħha. Dan minħabba li bħala gratitudni, ċertu membri prominenti ta’ dan il-grupp, li ironikament ġie mwaqqaf fil-belt ta’ Mariupol, belt li bħalissa għaddejja minn attakki kontinwi mit-truppi Russi, ingħataw karigi importanti fit-tmexxija politika u fl-armata Ukrena. Fost dawn kien hemm Vadym Troyan li kien ingħata l-kariga ta’ kap tal-pulizija Ukrena, u Andrij Pirubiz li serva bħala l-ispeaker tal-Parlament Ukren bejn l-2016 u l-2019. Barra minn hekk, il-milizja ta’ Azov, li semmejna aktar ‘il fuq, iddaħħlet tagħmel parti mill-Armata Ukrena.

Biża’ ta’ konvenjenza

Espert ta’ fuq il-politika neo-nażista u fuq l-gruppi tal-lemin estrem modern, ibbażat ġewwa Università Taljana, għadu kemm ippubblika riċerka fuq kemm it-theddida li spiss isemmi Putin mil-lemin estrem Ukren hija waħda realistika. 

Din ir-riċerka turi li l-grupp li l-aktar li bħal donnu jinkwieta lil Putin, jiġifieri l-istess milizzja ta’ Azov, m’għandhiex aktar minn 1,000 membru. Fuq kollox din ir-riċerka turi li ġewwa l-Ukrajna hemm anqas minn 2% tal-membri li jifformaw parti mill-gvern li ġejjin mil-lemin estrem, ammont tassew żgħir meta kkomparat ma’ pajjiżi oħra, bħall-Polonja u l-Ungerijja.

Kollaborazzjoni mar-Russja

L-ironija hija li filwaqt li Putin qiegħed jippreżenta ruħu bħala xi tarka kontra l-qawmien tan-neo-nażismu modern, ir-Russja tikkollabora bil-kbir ma’ partiti li ġejjin mill-lemin estrem bħal xi partiti mill-Awstrija u mal-Lega Nord tal-Italja. Dawn il-partiti kienu strumentali sabiex kemm l-Awstrija, kif ukoll l-Italja ffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni mar-Russja fl-2017.

Putin u l-mexxeja tal-Punent

Ironija oħra hi li ħafna mexxejja li għandhom twemmin faxxista, fosthom Victor Orban tal-Ungerija u Jair Bolsanaro jaraw lil Putin bħala l-eżempju li huma jridu jimxu fuqu fit-tmexxija tagħhom.

Politici oħrajn li jħaddnu l-ideoloġija neo-faxxista, fosthom il-Franċiża Marine Le Pen u Matteo Salvini tal-Italja, li sa ftit xhur ilu kienu kemm-il darba esprimew pubblikament l-ammirazzjoni tagħhom lejn Putin, issa bidlu ftit id-diska u kkundannaw l-invażjoni tal-Ukrajna, għalkemm qagħdu xorta lura milli jikkundannaw lil Vladimir Putin direttament. 

Fil-fatt, ġurnal prominenti Franċiż għadu kemm irrapporta li l-istess Marine Le Pen, għadha kemm litteralment ramiet miljuni ta’ fuljetti li kienet sejra tuża fil-kampanja għall-elezzjoni presidenzjali li sejra ssir fi Franza fil-ġimgħat li gejjin, fuljetti li fihom Le Pen kienet tidher flimkien ma’ Putin. 

Ir-relazzjoni ta’ Putin ma’ politiċi prominenti ġejjin minn pajjiżi tal-punent ma tillimitax ruħha biss ghal dawk li jħaddnu politika tal-lemin estrem. Fil-fatt, hemm diversi eks Prim Ministri Ewropej ġejjin mill-Fillandja, l-Italja, l-Awstrija u l-Ġermanja li għadhom sal-ġurnata tal-lum joffru konsulenzi kif ukoll jiffurmaw parti minn bordijiet ta’ kumpaniji statali Russi. Forsi l-aktar ezempju sfaċċat huwa dak tal-eks prim ministru Ġermaniż Gerald Schroder, li għadu jagħmel parti minn bord ta’ kumpanija taż-żejt Russa.

Dan kollu jikkonferma dak li fil-fond ta’ qalbu, kien jaf kulħadd, jiġifieri li s-suppost theddida neo-Nażista mill-Ukrajna hija biss skuża minn Putin sabiex jipprova jiġġustifika l-ħniżrijja li għamel ġewwa l-Ukrajna. Fuq kollox, hija tassew ironija li Putin qiegħed jakkuża lill-Ukrajna li qiegħda titmexxa minn element Nazisti meta l-istess President Ukren, Volodymyr Zelensky, huwa ta’ nisel Lhudi u li l-familja tiegħu kienet sofriet bil-kbir matul l-invażjoni tal-Ukrajna mill-armata ta’ Adolf Hitler.

Ekonomija

Sport