Tuesday, December 24, 2024

L-Ukrajna se tingħata armi avvanzati għad-difiża tal-ajru

Aqra wkoll

Il-pajjiżi tan-NATO alleati tal-Ukrajna ħabbru li se jkunu qed jibagħtu sistemi ta’ armi avvanzati li se jintużaw biex jiddefendu kontra attakki mill-ajru ġewwa l-Ukrajna, u dan hekk kif l-aħħar jiem ir-Russja wettqet numru ta’ attakki permezz ta’ rokits. 

Ir-Renju Unit, il-Kanada, Franza u l-Olanda wiegħdu li se jkunu hemm missili u anke radars. Apparti hekk, jiem ilu l-Istati Uniti wkoll kienet wiegħet li se tibgħat armi avvanzati filwaqt li l-Ġermanja diġà skjerat sistema avvanzata lejn l-Ukrajna. 

Din il-wegħda saret waqt summit ġewwa l-kwartieri tan-Nato fi Brussell, summit li kien deskritt minn Kiev bħala “storiku”. Ftit wara dan is-summit ir-Russja wettqet attakk fil-belt ta’ Mykolaiv liema attakk kien deskritt bħala wieħed qawwi. 

Intant, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti permezz ta’ votazzjoni kkundannat b’qawwa l-attentati tar-Russ­ja li tannessa magħha erba’ reġjuni Ukreni. Il-kundanna kienet appoġġjata minn 143 pajjiż, filwaqt li 35 – fosthom iċ-Ċina u l-Indja – astjenew. Flimkien mar-Russja kien hemm erba’ pajjiżi li vvotaw kontra l-kundanna u dawn kienu l-Belarus, il-Korea ta’ Fuq, is-Sirja u Nicaragua. 

Għalkemm dan il-vot huwa biss wieħed simboliku, dan hu l-ikbar numru ta’ voti kontra r-Russja minn kemm ilha li bdiet l-invażjoni ġewwa l-Ukrajna. 

Il-ġimgħa li għaddiet f’ċerimonja grandjuża u b’ħafna pompa l-President Russu Vladimir Putin iffirma d-dokumenti li bihom ir-reġjuni ta’ Luhanks, Donetsk, Zaporizhzhia u Kherson “saru parti mir-Russja”. Dawn id-do­kumenti kienu ffirmati wkoll mill-persuni li r-Russja bagħtet biex jamministraw dawn ir-reġjuni. L-iffirmar tad-dokumenti sar wara referendums li saru f’dawn ir-reġuni, liema referendums kienu deskritti mill-Punent bħala “farsa”. 

Il-riżoluzzjoni li vvotaw favuriha l-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi fl-Assemblea Ġenerali tan-NU tħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex ma tirrikonoxxix id-dikjarazzjoni ta’ annessjoni u ttilob biex is-sitwazzjoni “titreġġa’ lura għal dik li kienet”. 

Ekonomija

Sport