Thursday, December 26, 2024

L-Ukrajna tarresta uffiċjal tal-Ministeru tad-Difiża akkużat b’serq 

Aqra wkoll

Uffiċjal tal-Ministeru tad-Difiża Ukren inżamm arrestat fuq allegazzjonijiet li  għamel użu ħażin minn $40 miljun, li kienu relatati ma’ kuntratt fuq l-armi. Dan qalu kelliem għas-Servizz tas-Sigurtà tal-Ukrajna, l-SBU, li kkonferma li l-isess uffiċjal iffirma ftehim ma’ kumpanija tal-esportazzjoni biex jixtri ammont sostanzjali ta’ armi.

Skont l-SBU, l-uffiċjal tad-difiża estenda l-kuntratt oriġinali u li l-fondi li jammontaw għal $40 miljun, ġew trasferiti għall-kontijiet ta ‘ditta intermedjarja barranija. Hija qalet ukoll li sabet dokumenti li jikkonfermaw l-attività illegali. 

Huwa mifhum li l-uffiċjal jista’ jeħel sa 15-il sena ħabs jekk jinstab ħati. Intant, il-Ministeru tad-Difiża Ukren qal li qed jieħu miżuri biex jipprova jirkupra l-fondi. Skont il-Kap tad-Dipartiment tal-Istampa u l-Informazzjoni tal-Ministeru tad-Difiża Ukren, Illarion Pavliuk, il-kuntratt kien wieħed li fih sar il-ħlas, iżda ma kienet saret l-ebda konsenja. Huwa qal li b’riżultat ta’ dan, l-avukati qed ifittxu għażliet biex jitterminaw il-kuntratt u jirkupraw il-fondi.

F’Settembru, il-President Ukren Volodymyr Zelensky kien keċċa lill-Ministru tad-Difiża tiegħu, Oleksii Reznikov, u semma n-numru ta’ skandli ta’ korruzzjoni li fihom kien involut il-Ministeru tad-Difiża tal-Ukrajna.

Ix-xahar ta’ wara, midja internazzjonali kienet irapurtat, li l-Istati Uniti kienu qed iħeġġu lill-Ukrajna, sabiex din tiġġieled il-korruzzjoni governattiva. Uffiċjali qalu li Washington ħareġ diversi avviżi lil Kyiv li jindikaw li ċerti tipi ta’ għajnuna ekonomika tal-Istati Uniti se jkunu marbuta mal-progress tal-Ukrajna fir-riforma tal-istituzzjonijiet tagħha.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Zelensky fittex li jindirizza t-tħassib dwar il-korruzzjoni meta vvjaġġa lejn Washington DC, fejn hemm ltaqa’ mas-Senaturi tal-Istati Uniti. 

Ekonomija

Sport