Saturday, December 21, 2024

L-umaniżmu u d-diċenza qabel il-profit – il-Kamra tal-Periti

Aqra wkoll

L-inċident xokkanti li seħħ jumejn ilu fejn ħaddiem mill-Ghana li weġġgħa gravi f’sit ta’ kostruzzjoni wara li allegatament waqa minn għoli ta’ żewġ sulari li flok ittieħed l-isptar ġie abbandunat u mormi fuq bankina f’Selmun qanqal ukoll ir-reazzjoni tal-Kamra tal-Periti li sostniet li b’dan l-inċident, l-industrija tal-kostruzzjoni issa niżlet fl-aktar livelli baxxi.

Il-Kamra tal-Periti stqarret illi dan l-inċident ifakkar f’kemm xi wħud f’din l-industrija għadhom lanqas laħqu livell bażiku ta’ mġieba responsabbli bbażata fuq l-umaniżmu u l-komprensjoni.

Saħqet ukoll li sakemm il-kuntratturi ma jkunux meħtieġa jkunu f’pussess ta’ liċenzja biex joperaw, liema liċenzja trid tassigura li jkunu jridu joperaw bi tħaris tar-regolamenti tal-bini u jimpjegaw il-ħaddiema b’mod legali, mhux se jkun hemm il-qabża fil-kwalita li hemm bżonn.

B’sistema ta’ liċenzjar f’postha wieħed għandu jistenna li jekk il-fatti ta’ kif seħħ dan l-inċident jiġu konfermati, il-kuntrattur involut kien jitlef il-liċenzja u ma jkollux dritt jerġa jopera fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Il-Kamra tal-Periti sostniet illi fid-diskussjoni dwar ir-regolamenti l-ġodda dwar liċenzjar tal-kuntratturi ser tissokta fil-ġimgħat li ġejjin u ser tinsisti li dawn ir-regolamenti jkollhom provvedimenti li jissanzjonaw jew jiskwalifikaw kuntratturi li nstabu li kienu responsabbli tidrib jew mewt ta’ ħaddiema tagħhom jew ta’ ġirien minħabba negliġenza anki qabel ma dawn ir-regolamenti jkunu daħlu fis-seħħ.

Ekonomija

Sport