Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn mindu kont żgħir dejjem kelli dik il-ġibda lejn il-logħba tal-futbol u ma kelli ebda interess lejn sports ieħor. Jien bdejt nilgħab mal-Pietà Hotspurs meta kelli biss seba’ snin. Dak iż-żmien in-nursery tal-Pietà kienet magħrufa bħala waħda mill-aqwa nurseries f’Malta, kif għadha llum, u missieri kien issuġġerili ningħaqad magħhom.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Sliema Wanderers.
Kif għalaqt 12-il sena ngħaqadt ma’ Sliema Wanderers. L-esperjenza tiegħi ma’ Sliema kienet waħda pożittiva ħafna, fejn ħdimt ma’ diversi coaches tajbin. Fosthom kien hemm Jonathan Holland, Alan Friggieri u kif ukoll Ivan Woods, li tgħallimt ħafna minnhom. Minn dejjem kellna tim b’saħħtu. Fl-istaġun 2016/2017 konna rbaħna n-Knockout u ġejna t-tieni fil-kampjonat. L-istaġun ta’ wara konna erġajna tlajna fil-finali tan-Knockout, iżda konna tlifnieha. L-aħħar sentejn minors kont nitħarreġ ukoll mat-tim tal-kbar, li dak iż-żmien kien immexxi mill-coach John Buttigieg, fejn komplejt nimmatura aktar fil-logħba tiegħi.
U dik preżenti ma’ Fgura United.
Ingħaqadt ma’ Fgura United fl-istaġun 2021/2022. Dak iż-żmien il-klabb tal-Fgura kien għadu ma stabbilixxiex ruħu fiċ-Challenge League, iżda llum nistgħu ngħidu li huwa klabb stabbilit f’dan il-kampjonat. Fl-istaġun 2021/2022 ġejna l-ħames post mill-grupp tagħna, filwaqt li ż-żewġ staġuni ta’ wara bdejna b’saħħitna ħafna, iżda meta nqasam m’għamilnihiex mal-ewwel sitt timijiet għal punt.
L-esperjenza tiegħi ma’ dan il-klabb hija waħda memorabbli. F’dan il-klabb hawn armonija sabiħa ħafna fejn kont milqugħ mill-bidu nett. Il-coaching staff, players, kumitat u anke l-partitarji joħolqu atmosfera ta’ pożittività u għaqda. Żgur li l-memorji li ħloqna u għadna qegħdin noħolqu flimkien, se nibqa’ ngħożżhom tul ħajti kollha.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Dan l-istaġun kien wieħed ta’ sfida għalina, hekk kif ħabbatna wiċċna ma’ diversi ostakli. Bdejna l-istaġun fuq nota ħażina u nżilna ‘l isfel fil-klassifika. Kien qed ikollna prestazzjonijiet tajbin ħafna, fejn saħansitra kien hemm logħbiet li ma kienx ħaqqna noħorġu b’idejna vojta. Konna qed noħolqu ħafna, iżda kien qed ikollna diffikultà biex niskorjaw. Minkejja kollox bqajna maqgħudin u komplejna naħdmu. Minn Diċembru ‘l hawn bdejna ndawru r-rotta u ksibna punti kruċjali.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
L-ewwel tragward tagħna kien li nagħmluha mal-ewwel tmienja. Ġie kif ġie l-istaġun, dan it-tragward sar aktar diffiċli, iżda matematikament għadna biċ-ċans xorta waħda. Ovvjament, issa dan ma jiddependix minnha biss, però xogħolna huwa li niffokaw fuq il-logħbiet tagħna u mbagħad nimxu minn hemm. Jekk ma jirnexxilniex nagħmluha mal-ewwel tmienja, it-tragward tagħna jkun biex insalvaw kmieni kemm jista’ jkun.
X’tikkummenta fuq il-kowċ Kevin Vella?
Inħossni xxurtjajt li fil-karriera tiegħi kont taħt diversi kowċis tajbin. Kowċ Kevin Vella huwa wieħed mill-aktar kowċis professjonali u dedikati li ħdimt magħhom. Għandu għarfien profond tal-logħba u kapaċi jgħin lill-players jilħqu l-potenzjal tagħhom. Barra minn hekk, jaf kif jimmotiva lit-tim, iżomm lil kulħadd umli meta nkunu għaddejjin minn fażi tajba u jgħinna nżommu l-moral għoli meta nkunu għaddejjin minn fażi diffiċli. Kowċ Kevin għeni nkompli nikber bħala player u ħalla impatt pożittiv fuqi.
U fuq il-president Larkin Bonnici?
Il-president Larkin Bonnici għamel u għadu qed jagħmel kambjamenti kbar fi ħdan il-klabb. Qiegħed jintegra b’mod tajjeb ħafna l-futbol mal-edukazzjoni u l-iżvilupp soċjali. Nemmen li din hija xi ħaġa li aktar klabbs għandhom jagħmlu wkoll. Dan juri li l-Fgura mhuwiex sempliċiment klabb tal-futbol, iżda huwa oltre minn hekk.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen li l-livell tal-futbol Malti żdied meta mqabbel ma’ ftit snin ilu. Ċerti barranin li ġew jilagħbu Malta għollew il-livell, però tajjeb ngħidu li dan mhux dejjem ikun il-każ. Minħabba li n-numru ta’ barranin fil-Premier League żdied, saret aktar iebsa għall-players Maltin biex jilagħbu. Dan qed iwassal biex ħafna players Maltin qegħdin jinżlu fiċ-Challenge League u għaldaqstant il-livell għola u l-kampjonat sar aktar kompetittiv. Anke fl-Amateur League qed ikun hemm klabbs bi proġetti u ambizzjonijiet interessanti li qegħdin jiġbdu players ta’ livell għoli.
U dak tar riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Il-faċilitajiet tal-Fgura huma miżmuma tajjeb ħafna. It-turf m’ilux wisq li nbidel, b’equipment u anke lasti ġodda. Kollox jinżamm b’mod organizzat u nadif. Bħala player tieħu gost titħarreġ f’ambjent bħal dan.
Iż-żewġ grawnds fejn jintlagħbu l-logħob kompetittivi huma ta’ kwalità tajba. Dal-istaġun inbidlu t-turf u t-tabellun tal-Victor Tedesco, fejn ġie aktar adekwat għal-logħob kompetittiv. Xi ħaġa li ma togħġobnix hija l-fatt li ma jkunx hemm ambulanza għal-logħob taċ-Challenge League u tal-Amateur League.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħalissa qiegħed niffoka fuq dan l-istaġun u għalissa għadni ma nafx x’inhu l-pass li jmiss. Kif jintemm l-istaġun nara x’opportunitajiet ikolli u nimxi minn hemm. Li huwa żgur hu li ‘l quddiem nixtieq li nerġa’ nirritorna u nikkompeti fl-għola diviżjoni ta’ Malta. Biss, nimxi ġurnata b’ġurnata billi nkompli naħdem, nitgħallem u nagħmel l-almu tiegħi sabiex ngħin lill-klabb jilħaq l-miri tiegħu u kif ukoll dawk personali tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol kif ukoll lill-partitarji kollha ta’ Fgura United FC.
Għal dawk li jixtiequ jibdew jilagħbu l-futbol, ngħidilhom li l-umiltà u l-perseverenza huma żewġ aspetti importanti fil-futbol. Tajjeb li wieħed iżomm saqajh mal-art meta jkun għaddej minn perjodu tajjeb, min-naħa l-oħra m’għandu qatt jaqta’ qalbu jekk l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb. Xi ħaġa oħra li nixtieq ngħid kemm lill-plejers u anke lill-ġenituri, huwa li wieħed m’għandux jagħżel bejn l-isports u l-edukazzjoni. Jien komplejt bl-istudji tiegħi bħala għalliem filwaqt li komplejt bil-karriera tal-futbol ukoll. Biss, biex dan ikun possibbli wieħed għandu jippjana ħinu sewwa u jżomm bilanċ tajjeb.
Lill-partitarji tagħna nirringrazzjahom talli baqgħu warajna anke meta konna għaddejjin minn perjodu diffiċli. Baqgħu jitilgħu l-grawnd u jagħtuna s-sapport tagħhom kull logħba. Żgur li mingħajr il-partitarji l-atmosfera tkun ferm differenti. Huma t-tnax il-player tagħna u nħeġġiġhom ikomplu jsemmgħu leħinhom sabiex flimkien nilħqu t-tragwardi tagħna.