Thursday, March 20, 2025

L-Ungerija tipprojbixxi l-marċi tal-Pride LGBTQ+

Aqra wkoll

L-Ungerija kompliet toħnoq il-libertà ċivili, partikularment tal-espressjoni meta lbieraħ il-parlament approva liġi li tipprojbixxi l-marċi tal-Pride li jsiru mill-komunità LGBTQ+. Din il-liġi qajmet għajb mhux biss fl-Ungerija imma wkoll barra mill-pajjiż.

Il-Parlament ivvota favur il-miżura jum biss wara li tressaq l-abbozz ta’ liġi nhar it-Tnejn, fi proċess mgħaġġel mill-partit tal-lemin fil-gvern Fidesz taħt il-Prim Ministru Viktor Orban.

Orban faħħar il-leġiżlazzjoni, li tipprojbixxi l-avveniment għal raġunijiet skont hu biex ma ssirx “ħsara lit-tfal”, u qal li l-gvern tiegħu mhux se jħalli l-ideoloġija “żbaljata” tipperikola lit-tfal. 

Il-marċi tal-Pride kienu saru għal dawn l-aħħar 30 sena fl-Ungerija. Wara li għaddiet il-liġi, leġiżlaturi tal-Oppożizzjoni xegħlu murtali waqt is-sessjoni tal-votazzjoni nhar it-Tlieta, filwaqt li dimostranti mblukkaw pont fiċ-ċentru ta’ Budapest. Gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ukoll ikkundannaw din il-mossa. 

Din hija l-aħħar miżura mill-gvern ta’ Orban li timmira lejn il-komunità LGBTQ+ tal-Ungerija. Fl-2020, il-pajjiż abolixxa r-rikonoxximent legali tal-persuni transġeneri, u fl-2021, il-politiċi għaddew liġi li tipprojbixxi d-dehra tal-omosesswalità minn dawk taħt it-18-il sena. Skont it-termini tal-liġi l-ġdida, issa huwa “projbit li ssir assemblea bi ksur” ta’ dik il-leġiżlazzjoni tal-2021.

Kull min jikser din il-liġi jaffaċċja multi sa 500 ewro. Dan jista ‘jinkludi dawk li jattendu u organizzaturi tal-marċ. Il-pulizija huma permessi wkoll jużaw teknoloġija ta rikonoxximent tal-wiċċ biex jidentifikaw lil dawk li jkun maħsub li ma mxewx mal-liġi.

Il-liġi issa tgħid li jistgħu jseħħu biss avvenimenti “li jirrispettaw id-dritt tat-tfal għal żvilupp fiżiku, mentali u morali xieraq”.

L-avversarji tal-marċi tal-Pride u tal-komunità LGBTQ+ tal-Ungerija, b’mod ġenerali, akkużaw b’mod regolari u mingħajr evidenza, tali dimostrazzjonijiet li huma perikolużi għall-minuri.

Id-dimostranti barra l-parlament nhar it-Tlieta kantaw: li “id-dritt tal-sssemblea huwa dritt fundamentali”. Huma mblukkaw il-pont Margaret fiċ-ċentru ta’ Budapest. 

Il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza Hadja Lahbib ikkundannat din il-mossa u fuq il-midja soċjali kitbet li “Kulħadd għandu jkun dak li hu, jgħix u jħobb liberament lil min irid.” Qalet ukoll li l-UE se tibqa mal-komunità LGBTQI – fl-Ungerija u fl-Istati Membri kollha.

L-organizzaturi ta’ Budapest Pride ikkritikaw fuq il-midja soċjali d-deċiżjoni tal-gvern u tal-parlament u sostnew li  “Dan mhux protezzjoni tat-tfal, imma dan huwa faxxiżmu.”

L-organizzaturi wiegħdu li se jkomplu għaddejjin bit-tħejjijiet għat-30 marċ tal-Pride tagħhom kif ippjanat f’Budapest fit-28 ta’ Ġnju.

Fl-aħħar xhur Orban nieda attakki dejjem akbar fuq il-kritiċi tiegħu u ħabbar pjanijiet għal bidliet aktar konservattivi fil-liġi, u wiegħed is-sena l-oħra li “jokkupa Brussell” biex jipproteġi l-libertà tal-Ungerija.

Il-partit tiegħu Fidesz ilu fil-kariga mill-2010. Iżda l-istħarriġ juri li l-partit il-ġdid taċ-ċentru-lemin Tisza jinsab fuq quddiem qabel l-elezzjoni parlamentari tas-sena d-dieħla.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport