Wednesday, October 9, 2024

“L-Unjoni Ewropea għandha tkun minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima” – Cyrus Engerer

Aqra wkoll

L-Unjoni Ewropea għandha tkun minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, sostna l-Membru Parlamentari Ewropej Cyrus Engerer.

Żied jgħid li l-istati membri għandhom jirrispettaw l-impenji tal-UE f’dan ir-rigward. 

“Qegħdin ngħixu f’emerġenza marbuta mal-klima u fl-ekoloġija tagħna. Din qiegħda taffetwa il-biodiversità u l-kundizzjoni tal-oċeani tagħna,” qal Engerer.

“It-tibdil fil-klima u l-attività umana li twassal għal skart fil-baħar, tniġġis u sfruttament ta’ riżorsi jipperikolaw l-oċeani bħala riżorsa,” żied jgħid. “Bħalissa, il-biodiversità f’ambjenti marittimi qiegħda tintilef b’pass iżjed mgħaġġel mill-biodiversità fl-art,” spjega Engerer. “B’hekk, fil-kumitat tal-ambjent marittimu tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali,insistejt li l-kriżi tal-klima hija problema għal-gżejjer bħal Malta,” qal il-MPE. 

Ix-xahar li għadda, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew waqqaf fondi Ewropej għas-sajd u l-akwakultura. Dan kien approvat b’maġġoranza qawwija fil-Parlament Ewropew. Kien hemm ukoll qbil għat-twaqqif tiegħu fil-Kunsill fl-aħħar tas-sena. 

Il-fond se jkun ta’ €6.108 biljun bejn is-sena 2021 u Diċembru 2027 u se jmur għall-protezzjoni tal-ibħra u l-oċeani u għal l-iżvilupp sostennibbli tar-riżorsi tagħhom. Dan il-fond huwa meqjus bħala wieħed mill-iżjed għodda effettivi biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Dan il-fond għandu l-għan li jipproteġi t-tradizzjonijiet tas-sajd u jipproteġi lil dawk li jaħdmu fi professjonijiet relatati. Dan il-fond jara wkoll li jkun hemm infurzar tal-liġijiet internazzjonali., filwaqt li jippromwovi impjiegi relatati mas-sajd u l-akwakultura qalb iż-żgħażagħ. 

Il-Parlament Ewropew riċentament qal li għandu jkun hemm soluzzjoni biex jiġu protetti ż-żoni marittimi kemm jista’ jkun malajr. Huwa qal li hemm bżonn qawwi ta’ qbil fuq il-protezzjoni ta’ żewg żoni fl-Antarktika. 

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta’ tliet organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta’ kuljum. Dawn l-artikli jirreflettu l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista’ jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

Sport