Il-President Ukren Volodymyr Zelensky jargumenta li l-użu ta’ armi bil-laser min-naħa tar-Russi fl-invażjoni tagħhom fl-Ukrajna juri sinjal ta’ falliment mill-forzi Russi.
Zelensky sostna li r-Russi għaddejjin bi tfittxija għall-“wunder-waffe” — terminu Ġermaniż li kien użat matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u li hija referenza għal arma meraviljuża.
Zelensky tkellem dwar dan ftit sigħat wara li d-Deputat Prim Ministru Russu, Yuri Borisov — li hu inkarigat mill-iżvilupp militari — sostna li t-teknoloġija tal-laser kienet diġà qed tintuża fl-Ukrajna. Yuri Borisov komplja jgħid li dawn is-sistemi saħansitra kienu kapaċi jwaqqgħu d-drones minn tliet mili ’l bogħod.
Il-militar Ukren qal li l-bumbardamenti fuq l-art madwar ir-reġjun ta’ Donbas qed ikomplu jiżdiedu hekk kif ir-Russja qed tkompli għaddejja bil-kampanja tagħha sabiex taħtaf taħt idejha l-parti tal-Lvant tal-Ukrajna.