Saturday, December 21, 2024

“La jien u lanqas il-partit m’aħna perfetti” – Bernard Grech

Aqra wkoll

Jammetti żbalji mill-PN li saru qabel, kemm ilu kap u ma jiggarantixxix li ma jsirux oħra fil-futur

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, fil-mass rally f’Raħal Ġdid talab il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi fl-elezzjoni ġenerali li se jkollna f’inqas ġimgħatejn oħra. Fl-istess ħin huwa ammetta li l-PN għamel żbalji fil-passat, saru oħrajn meta sar huwa kap u ma eskludiex li qatt m’huma se jsiru żbalji oħra fil-futur. 

Filwaqt li talab maħfra għal dawn l-iżbalji li weġġgħu lill-poplu, Bernard Grech, ammetta li la huwa u lanqas il-partit tal-PN m’huma perfetti. Fl-istess diskors mimli attakki diretti fil-konfront tal-Prim Ministru preżenti Robert Abela, kif ukoll dwar il-manifest elettorali tal-Partit Laburista, Grech iggrantixxa li Gvern tiegħu se jaħdem b’saħħa u impenn immirati biss biex itejjeb lill-“għażiż pajjiżna”.

Il-Kap tal-PN qal li fis-26 ta’ Marzu pajjiżna jista’ jagħżel triq oħra li apparti l-ġid materjal, ikollu l-libertajiet bażiċi. Huwa sostna li biex dan iseħħ, irid ikun hemm vot b’saħħħtu għall-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li qatt daqs illum pajjiżna għandu jagħżel liema triq jaqbad u sostna li hawn persuni jibżgħu minn Kastilja tant li ddeskriva l-istat tagħna bħal wieħed “kważi ta’ dittatorjat”.

Grech għal darb’oħra elenka lista ta’ wegħdiet elettorali fosthom dik li jagħti art lill-poplu; li jġib 10 setturi ekonomiċi ġodda fil-pajjiż; titjib fis-settur edukattiv, aktar ħin biex ingawdu l-familja; mobilità tal-massa effiċjenti li se tiswa inqas minn dik proposta mill-PL, kif ukoll tisħiħ ta’ attivitajiet kulturali u tradizzjonali li jagħmluna Maltin. 

“Issa wasal iż-żmien li nħarsu ‘l quddiem u flimkien magħkom aħna ffokati li noħolqu l-ġid. Ftakru li dan il-pajjiż jgħożż il-libertajiet. Inwegħedkom gvern awtentiku, sensittiv, li jagħti kasek dejjem u mhux biss qabel l-elezzjoni, kif ukoll li jagħtik widen u jifhmek. Dejjem hekk għamilt f’ħajti u nagħti kelmti li dak li jien inwiegħed, inwettqu miegħek,” iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Quddiem in-nies preżenti l-Kap tal-PN qal li l-“folla” qiegħda tagħmillu kuraġġ u anke lit-tim tiegħu li jinsab magħqud biex iservi lill-poplu Malti. Huwa saħaq li f’għeluq it-tliet ġimgħat tal-kampanja elettorali l-PN kompla jikkonvinċi aktar nies bil-viżjoni li għandu għal pajjiżna. “Irid ikollok il-maturità, is-serjetà, il-kredibbiltà u fuq kollox is-sustanza. Aħna qegħdin noffru s-soluzzjoni għal dan il-pajjiż. F’idejna għandna dawn is-soluzzjonijiet u rridu nwettquhom għalikom,” reġa’ tenna l-Kap tal-Oppożizzjoni.,

Fi tmiem id-diskors imqanqal tiegħu Bernard Grech qal li jridu jikkonvinċu lin-nies biex jivvotawlhomm għax il-PN huwa lest biex jiggverna. Hawnhekk huwa talab biex il-poplu jieħu rajh f’idejh ħalli s-sena 2022 tkun sena li tibda kapitlu sabiħ għal Malta.

Ekonomija

Sport