Saturday, December 21, 2024

LA MIRAKLU U LANQAS KUMBINAZZJONI

Aqra wkoll

Wara li s-sena l-oħra l-ekonomija Maltija kibret bi kwazi 6%, il-Kummissjoni Ewropea issa qed tbassar li din is-sena l-ekonomija tagħna se tkun l-aktar waħda li se tikber fl-Ewropa kollha. Dan filwaqt li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hija mistennija tkun l-aktar waħda baxxa u s-suq tax-xogħol fost l-aktar f’saħħithom fiż-żona ewro kollha.

Se nkunu qed nilħqu dan kollhu fl-istess waqt li qed jirnexxielna nżommu d-dejn nazzjonali fuq livell sostenibbli u waqt li fil-banek tagħna għandna l-aktar livell għoli ta’ tfaddil li qatt rajna fl-istorja ta’ pajjiżna. 

Dan mhux qed iseħħ b’kumbinazzjoni iżda huwa riflessjoni ta’ politika ekonomika li serviet bħala ankra ta’ stabilità waqt il-maltemp ekonomiku li ġabet magħha l-pandemija.

Dan kollhu lanqas ma seħħ minħabba xi miraklu ekonomiku li feġġ mingħajr ma ħdimna għalih imma huwa riżultat tad-deċiżjonijiet importanti li ttieħdu f’waqthom. 

Investiment ta’ €700 miljun fil-ħaddiema u f’min iħaddimhom 

Fost l-aktar deċiżjonijiet importanti li llum qed iwasslu għal dan it-tkabbir kienet ir-rieda u l-konvinzjoni li jiġu protetti l-impjiegi tal-ħaddiema billi dawn jibqgħu impjegati ma’ min iħaddimhom anke waqt li l-ekonomija mondjali kienet letteralment wieqfa.

Din swiet lil pajjiż xejn inqas minn €700 miljun f’suppliment tal-pagi li issa ilu għaddej għal sentejn sħaħ. Madankollu kieku ma ttieħditx din id-deċiżjoni, illum il-pajjiż qed iħallas prezz ferm akbar hekk kif il-qgħad kien jilħaq livelli li qatt ma konna rajnihom qabel u agħar minn hekk il-kumpaniji kienu jkunu sfurzati li jagħtu s-sensji lill-aħjar talenti li għandhom.

Imma n-nies qed iħossu l-efetti ta’ dan it-tkabbir?

It-tkabbir ekonomiku ma jkunx jiswa wisq jekk in-nies ma jħossux il-benefiċċju tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum. Fil-fatt aktar kemm tikber l-ekonomija, aktar il-pajjiż ikun qiegħed f’qagħda tajba biex isaħħaħ il-kwalità tal-ħajja u l-livell tal-għajxien tan-nies.

Il-fatt li fl-aħħar snin kelna ekonomija b’saħħitha għamiltha possibbli biex il-gvern seta’ jinvesti fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ tagħna, fit-tisħiħ tal-pensjonijiet għall-anzjani tagħna u f’investimenti li wasslu għal opportunitajiet ta’ xogħol bla preċedent għall-ħaddiema tagħna.

Bl-istess mod, dan it-tbassir qed iwassal biex il-gvern ikun f’qagħda finanzjarja tajba biżżejjed biex ikompli jwieżen liċ-ċittadini mingħajr ma jipperikola l-qadgħa fiskali tiegħu.

Huwa wkoll grazzi għal dan it-tkabbir ekonomiku li l-gvern Malti kien f’pożizzjoni li ftit tal-ġimgħat ilu jħabbar pakkett ta’ €70 miljun li huwa intiż biex jgħin lill-ħaddiema u l-pensjonanti mill-effetti tal-għoli tal-ħajja.

Din il-miżura setgħet issir għax il-finanzi tal-pajjiż jippermettu u fuq kollox għax il-gvern għandu r-rieda li ma jħallix lin-nies jaffaċjaw sfidi ekonomiċi weħidhom.

Fl-istess ħin waqt li l-prezzijiet tal-enerġija splodew mad-dinja kollha, il-gvern Malti rnexxielu jżomm taħt kontroll il-kontijiet tad-dawl f’Malta. Miżura li setgħet issir biss minħabba li l-pajjiż għandu l-ispazju fiskali neċessarju biex jagħmel tajjeb jekk il-prezzijiet internazzjonali jibqgħu jogħlew.

Fil-prattika, dan huwa il-mod kif it-tkabbir ekonomiku qed jissarraf fil-ħajja ta’ kuljum tal-Għawdxin u l-Maltin.

Ekonomija

Sport