Wednesday, July 24, 2024

Għexieren ta’ persuni mejta f’valanga ġewwa l-Brażil

Aqra wkoll

Qrib 100 persuna tilfu ħajjithom f’valangi ta’ tajn u għargħar li laqtu lill-belt ta’ Petrópolis ġewwa l-Brażil. Din il-belt, li tinsab qalb il-muntanji fit-Tramuntana ta’ Rio de Janeiro, ġiet milquta b’qilla kbira ħafna minn xita torrenzjali. 

Għadd ta’ djar fiż-żona ġew meqruda filwaqt li numru kbir ta’ karozzi spiċċaw imkaxtra mill-ilmijiet kbar li niżlu mill-muntanji. Immedjatament fuq il-post marru numru ta’ ħaddiema tat-tiftix u salvataġġ li bdew ifittxu qalb it-tajn u t-tifrik bil-għan li jsalvaw kemm jista’ jkun nies. 

Uffiċjali tal-belt fuq twitter qalu li s’issa ġew salvati 24 persuna filwaqt li għandhom il-konferma ta’ 94 mewt. Apparti hekk, l-awtoritajiet qalu li għandhom 35 persuna li għadhom irrapportati nieqsa u għalhekk it-tfittxijiet jinsabu għaddejjin bla heda. 

Filmati li xxerrdu fuq il-midja soċjali juru l-ħsara estensiva li dan kollu ħalla fuq din il-belt. Il-gvernatur ta’ Rio de Janeiro Claudio Castro qal mal-ġurnalisti li s-sitwazzjoni iktar tixbah lil żona ta’ gwerra hekk kif hemm b’għadd ta’ karozzi maqlubin u tajn u ilma ma’ kullimkien. F’għadd ta’ żoni kważi 80% ta’ djar sfaw mgħarrqa fit-tajn. 

Skont statistika ppubblikata fl-aħħar sigħat, qiegħed jiġi kkalkulat li f’perjodu ta’ tliet sigħat l-ammont ta’ xita li niżlet kien ekwivalenti għal dak li s-soltu jkun hemm xahar sħiħ. 

Petrópolis hija żona popolari ħafna mat-turisti, u fis-Seklu 19 kienet ukoll popolari ħafna mal-monarkija tal-Brażil bħala żona ta’ villeġġjatura. 

Ekonomija

Sport