Friday, May 3, 2024

Atletika: L-atleti jfittxu l-ewwel glorja tal-istaġun fil-Kampjonati tax-Xitwa

Aqra wkoll

L-istaġun tal-atletika ta’ pajjiżna jilħaq l-ewwel qofol tiegħu ta’ dan l-istaġun bil-Kampjonati tax-Xitwa li se jsiru fi tmiem il-ġimgħa fil-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa.

Wara numru ta’ prestazzjonijiet pożittivi fl-ewwel tliet meetings tal-istaġun, l-atleti issa se jkunu qed ifittxu li jagħtu l-aqwa tagħhom biex mhux biss jiksbu rekords personali u nazzjonali iżda wkoll biex ifittxu riżultat li jikkwalifikahom għall-avvenimenti internazzjonali li jmiss, fosthom il-Kampjonati Dinjija Indoor (fis-Serbja) u l-Kampjonati Ewropej tat-Tfigħ (fil-Portugal). L-avveniment se jkun test importanti għall-kundizzjoni li jinsabu fiha l-atleti erba’ xhur qabel il-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li se jsiru f’Malta f’Ġunju.

Fost il-komunità tal-atletika hemms stennija għal aktar riżultati pożittivi speċjalment wara li nkisru erba’ rekords nazzjonali f’temp ta’ xahar waqt kompetizzjonijiet internazzjonali. Dawn ir-rekords inkisbu minn Jordan Gusman (3000 metru indoor fl-Istati Uniti), Mireya Cassar (hammer throw, fil-Ġermanja), Benjamin Micallef (800m indoor, fl-Istati Uniti) u Jeremy Zammit (long jump, fl-Irlanda).

Il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech qal: “Filwaqt li l-istaġun għadu fil-bidu tiegħu, numru ta’ atleti ilhom għaddejjin b’taħriġ iebes għal xhur twal, konxji tal-avvenimenti importanti li ġejjin fix-xhur li ġejjin. Permezz ta’ investiment b’saħħtu, appoġġjat minn SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti, f’taħriġ għall-atleti nazzjonali, ir-reklutaġġ ta’ kowċis tal-għola livell u għajnuna biex l-atleti tagħna jieħdu sehem f’avvenimenti internazzjonali, diġà qed naraw titjib notevoli. Nawgura li dawn il-Kampjonati tax-Xitwa jkunu pass ieħor li juru l-progress ta’ dan l-isport”.

Sport