Monday, April 22, 2024

XI ĦAĠA JRID ISIR… IMMA MA NAQBILX MAL-PJAN ORIĠINALI PROPOST TAL-MARINA F’MARSASKALA

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar xhur fil-mixja politika tiegħi,  kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ ħafna familji u kostitwenti ġewwa darhom, ħbieb ta’ tfuliti minn Wied il-Għajn, kif ukoll numru ta’ organizazzjonijiet. Diversi kienu dawk li staqsewni biex nitkellem fuq il-pożizzjoni u l-ħsibijiet tiegħi fuq Marsaskala tal-lum u ta’ għada. 

Wara li rajt, smajt u evalwajt, il-pożizzjoni tiegħi fuq dan il-proġett propost hija ċara u konsistenti ma’ dak li tennejt ftit tax-xhur ilu. 

Dan huwa l-istess sentiment li jirrifletti l-pożizzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li riċentament qal; “Żgur mhux se jsir proġett li jirrifletti dik il-pjanta.”

Jidher ċar li hemm kunsens unanimu mill-popolin Skaliż li l-bajja ta’ Marsaskala jixraqilha riorganizzazzjoni tal-irmiġġi kif suppost.

Naqbel mal-Prim Ministru Robert Abela li ma nistgħux nibqgħu ngħidu le għal kollox u li l-bajja ta’ Marsaskala jixraqilha tisbiħ u manutenzjoni tremenda fil-mollijiet li huma kollha mġarfa bil-maltemp.  Naqblu li xi ħaġa jrid isir bil-Jerma u l-madwar, li mhux biss tagħti dehra estetika u ambjentali aħjar, iżda wkoll dan it-tibdil huwa bżonjuż biex jagħti spinta lil lokal, li sa 17-il sena minn meta għalqet il-bibien tagħha l-Jerma kienet destinazzjoni turistika fejn anke kienet tiġġenera ekonomija bl-istabiliment tal-ikel u xorb. 

Naqblu li xi ħaġa jrid isir biex intejbu l-estetika tal-kosta tal-bajja, bħal pereżempju, ir-railing mal-kosta li ilu għexieren ta’ snin ma’ jinbidel u li qiegħed fi stat diżastruż u perikoluż. 

Naqbel mal-Prim Ministru li ma jistax ikun li kull darba li jkun hemm grigalata ssir ħafna ħsara fil-biċċiet tal-baħar kif ukoll l-ilma baħar b’mewġ li saħansitra jitla’ fit-triq u għalhekk qal li hemm bżonn xi forma ta’ wave breaker biex jiġu evitati sitwazzjonijiet simili.

Naqbel li kull idea u proposta trid tħares lejn prinċipji importanti. Primarjament, li Marsaskala tkun isbaħ u attraenti mhux biss għat-turist, iżda wkoll għan-negozji fil-lokal u wisq iżjed u verament,  għall-familji Skalin u għal dawk il-mijiet ta’ nies li jżuruna tul is-sena kollha speċjalment fl-istaġun tas-sajf.

Kif tenna l-Prim Ministru, meta tkellem fuq it-tema ta’ Marsaskala, l-aċċess għall-bajja, irid jibqa’ garantit u l-partijiet fejn illum isir l-għawm jibqgħu aċċessibbli għan-nies u mhux mittiefsa, jibqa’ jsir in-nar fuq il-baħar fi żmien tal-festa, ma jsir l-ebda reklamazzjoni tal-art u li s-simenta fejn isorgu d-dgħajjes fix-xitwa ma tintmisx. 

Wieħed irid jaħseb ukoll fis-sajjieda tagħna u anke dawk dilettanti ta’ xi qoxra tal-baħar. 

Iva, kull proposta għandha tkun sensittiva għall-ħtigijiet tar-residenti u l-poplu Malti. Kull inizjattiva m’għandiex tkun diskriminatorja imma tħares id-dritt tal-aċċess, tal-użu u tat-tgawdija. Fuq kollox, kull pjan għandu jħares il-ġenerazzjoni t’għada. 

Liema idea u/jew pjan, irid jgħaddi minn konsultazzjoni pubblika kif wara kollox tippermetti l-liġi tal-ippjanar.

Naqbel ukoll mal-Prim Ministru li filwaqt li l-gvern jadotta dawn il-prinċipji, irid jibqa’ jisma u jikkollabora, biex fl-aħħar jasal għal dak li huwa fl-interess tal-lokalità u r-residenti Skalin.

Niftakru li dan huwa Gvern li dejjem kien viċin in-nies u fuq dan il-proġett qed jisma lin-nies, jiddiskuti man-nies u jimplimenta billi jżomm ir-rieda tan-nies. Dan qed narawh bil-fatti.

Din il-ġimgħa, il-gvern ħabbar li ser jieħu lura l-art fiż-Żonqor mingħand il-Gordaniżi fejn kien hemm il-ħsieb li tinbena l-AUM. Hawn ingħata prijorità lill-ambjent billi wkoll fil-budget li tħabbar f’Ottubru tas-sena l-oħra, smajna bl-investiment li ser isir bl-afforestazzjoni tal-Inwadar. Dan juri biċ-ċar id-direzzjoni tal-Gvern li verament jisma u jimpenja ruħu biex pass wara pass jimxi mar-rieda komuni u l-buon sens. 

Għaldaqstant, din id-deċiżjoni tfisser li l-art fejn hemm il-parkeġġ u l-eks pixxina nazzjonali, issa reġgħet ġiet lura għand il-Gvern. Art li fil-passat kienet isservi bħala pixxina għall-isports tal-għawn li tant huwa popolari mat-tfal u l-familji f’Marsaskala. Din kienet deċiżjoni tajba anke f’dan ir-rigward.

Dawn huma l-fehmiet tiegħi. Dan huwa x’naħseb jien fuq Marsaskala u l-Iskalini.

Dan huwa dak li ġenwinament nemmen li huwa fl-interess tal-Iskalini u tal-poplu Malti kollhu. 

Għalhekk b’impenn, b’koperazzjoni u kuraġġ inkomplu nidjalogaw biex naslu għad-deċiżjonijiet tajbin li Gvern Laburista ħa fuq livell nazzjonali u anke fuq livell lokali.

Inħarsu ‘l quddiem b’pożittività.

Sport