Friday, May 3, 2024

“Bullying fuq tfal b’diżabbiltà jurina li hemm bżonn li ma niqfux nitkellmu fuq diżabbiltajiet differenti”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Bullying fuq tfal b’diżabbiltà jkompli jurina li hemm bżonn li ma nieqfu qatt nitkellmu fuq diżabbiltajiet differenti.”

Hekk stqarret il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Organizzazzjonijiet Volontarji Julia Farrugia Portelli meta mitluba għall-kumment minn Talk.mt bħala reazzjoni għall-istorja li dan is-sit ippubblika aktar qabel fejn omm allegat li binha mhux jattendi l-iskola minħabba tfal oħra li bdew jagħmlulu ħajtu diffiċli minħabba li jbati bl-awtiżmu.

Min-naħa tagħha l-Ministru Farrugia Portelli qalet li mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-każ partikolari, kull tip ta’ bullying hu kundannabbli jsir fejn isir u jsir fuq min isir, aktar u aktar fuq tfal b’diżabbiltà. Il-Ministru sostniet tgħid li l-iskola għandha tkun dak il-post fejn kull tifel u tifla jieħu gost imur fil-vjaġġ edukattiv li jsawwarhom f’żgħażagħ u adulti b’saħħithom. 

“Bullying fuq tfal b’diżabbiltà jkompli jurina li hemm bżonn li ma nieqfu qatt nitkellmu fuq diżabbiltajiet differenti. U jkompli jurina kif is-soċjetà f’kull stadju tagħha m’għandha tegħja qatt tippriedka u tgħix bil-fatti l-kelma inklużjoni”, temmet Farrugia Portelli.

Intant il-Pulizija ħabret li bdew jikkolaboraw mal-FSWS sabiex iniedu programm biex ikun hawn aktar għarfien fl-iskejjel dwar bullying. Il-Pulizija tħeġġeġ lit-tfal biex jagħmlu kuraġġ u jfittxu l-għajnuna. Huma jistgħu jagħmlu dan billi jitkellmu mal-ġenituri, mal-edukaturi jew l-amministrazzjoni fl-iskejjel jew anke mal-Pulizija tal-komunità. Il-Pulizija tagħmel dawn l-appelli fi żjarat edukattivi waqt laqgħat fl-iskejjel sabiex it-tfal ikunu infurmati dwar kif jistgħu jfittxu l-għajnuna. 

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Graziella Galea, il-Ministru għall-Intern u s-SIgurtà Nazzjonali Byron Camilleri qal li l-Pulizija rċeviet 18-il rapport dwar każijiet ta’ bullying bejn Jannar 2021 u Jannar li għadda. F’dan ir-rigward il-Pulizija qalet li jekk il-vittmi jibqgħu siekta, huma ma jkunux jistgħu jkunu infurmati bil-każi, u ovjament ma tistax tittieħed azzjoni. 

Sport