Monday, May 13, 2024

“Ħsibtni se mmut imma qiegħed nibża’ li mhijiex se ssir ġustizzja”

Aqra wkoll

Anzjan imbikkem wara allegat swat minħabba kwistjoni ta’ pparkjar

Anzjan li sofra ġrieħi f’allegat argument li seħħ ftit tax-xhur ilu u li għażel li jaqsam ma’ dan il-ġurnal l-esperjenza tiegħu qiegħed jappella biex jingħata s-sapport li hemm bżonn. L-anzjan isofri minn kundizzjoni serja u skont ma’ rrakkonta magħna huwa kellu jiddaħħal l-isptar wara li kellu argument minħabba li pparkja l-karozza tiegħu quddiem garaxx.

Ir-raġel ta’ aktar minn 80 sena spjegalna d-dispjaċir tiegħu dwar it-tħaddim tas-sistema u l-proċediment f’tali każi. Dan minħabba li minkejja li allegatament ġie aggredit u midrub, imma l-ġrieħi ma kinux iċċertifikati skont il-gravità fuq l-istess ċertifikat mediku, il-Pulizija qalulu li “ma jistgħux jieħdu passi kontra l-allegat agressur”. Il-vittma tat-terza età, li għadu mbeżża’ u mweġġa’ sostna ma’ Talk.mt li qiegħed jibża’ li mhijiex se ssir ġustizzja miegħu, mentri allega li l-agressur huwa liberu u għadu jiġri fit-toroq “qisu xejn mhu xejn”.

L-anzjan qasam ma’ dan il-ġurnal din l-esperjenza kerha li għadda minnha lejn l-aħħar tas-sena l-oħra. Huwa li għamel snin twal jgħix barra minn Malta u kellu l-isfortuna li jitlef bintu għall-marda kiefra tal-kanċer, ġie lura f’pajjiżna fl-2009. Stqarr magħna li jinsab iddiżappuntat ħafna għall-mod kif isiru l-affarijiet lokalment. Il-kwistjoni kollha jingħad li nqalgħet bejn familjari fil-bogħod fuq parkeġġ quddiem garaxx ta’ wieħed minnhom.

Il-vittma spjegalna kif minħabba saħħtu huwa kien applika għal spazju ta’ parkeġġ għad-diżabbli iżda sakemm dan ġie approvat u attwat, kien ipparkja xi drabi quddiem garaxx partikolari li skontu “ma kienx jintuża”. Huwa allega li darba minnhom sab kimika fuq il-karozza tiegħu li kienet quddiem l-imsemmi garaxx u għalkemm issuspetta li kienet vendikazzjoni, billi ma rax b’għajnejh, għażel li jħalliha tgħaddi.

Argument li evolva fi vjolenza

Fil-jum tal-inċident li fih l-anzjan allegatament safa attakkat minn raġel ieħor iżgħar fl-età, il-vittma mar għall-karozza li kienet ipparkjata quddiem dan il-garaxx. 

L-anzjan allega li s-sid, “irrabja u beda jgħajjat. Ibbuttani u ħallieni fuq il-bankina. Kelli d-demm ma’ ħalqi u ħallieni bla nifs. Ħsibtni li se mmut. Ma stajtx naqbad il-mowbajl biex inċempel lill-Pulizija u għall-għajnuna. Imbagħad kien hemm tfajla u ġew tal-ambulanza. Dħalt Mater Dei fl-4.30 p.m u domt hemm sat-3.30 a.m tal-għada”.

Mir-rapport tal-isptar li wriena hemm miktub li l-anzjan kellu d-demm ħiereġ mill-ħanek u li sofra ferita superfiċjali f’saqajh. Ta’ dawn anke wriena r-ritratti li qegħdin nippubblikaw. Huwa qalilna li sarlu anke x-ray ta’ dahru minħabba l-waqgħa. L-anzjan ikompli li minn dakinhar tal-allegat attakk il-kundizzjoni ta’ saħħtu marret lura ħafna.

L-anzjan stqarr magħna li għadu mbeżża’ u dan hekk kif skontu dakinhar tal-allegat attakk, ma kienx l-unika darba li kien ġie mhedded mill-istess persuna.

“Allura, kieku qatilni mbagħad kienu jieħdu passi?”

“Li għamel għamlu biex jaqbad miegħi. Lill-Pulizija qalilhom li jien żlaqt mentri dan mhux minnu għax konna wiċċ imb’wiċċ nargumentaw. Il-Pulizija qaluli li rrid immur il-Qorti biex nagħmillu garanzija personali għax huma ma jistgħux jipproċedu kontrih. Dan minħabba li ma sofrejtx ġrieħi gravi. Allura, kieku qatilni mbagħad kienu jieħdu passi?” staqsa l-anzjan. 

L-anzjan ikompli li fl-istat ta’ saħħa li jinsab fih ma jiflaħx għall-ġiri tal-Qorti u li jaqta’ qalbu anke biex sempliċiment imur sal-Belt Valletta. Spjega kif fil-pajjiż Ewropew li kien jgħix fih l-affarijiet ma jsirux bħalma jsiru hawn u li l-attakki fuq il-persuni, b’mod speċjali fuq l-anzjani, jittieħdu b’serjetà kbira. L-anzjan qal li huwa sofra dak li jissejjaħ “grievious bodily harm” (ħsara fiżika gravi) għax il-każ tiegħu kien attakk fuq anzjan li weġġa’ u ħariġlu d-demm, kif ukoll baqa’ mweġġa’.  

“Bniedem suppost jiġi avviċinat mill-forzi tal-ordni. Jien ġejt imsawwat. Mhux suppost iħalluh jiġri barra. Lanqas biss ħaduh l-għassa,” sostna jgħidilna. L-anzjan ikompli li ma jistax ikun li l-attakki vjolenti bla ħniena fuq il-persuni, b’mod speċjali fuq anzjani morda, ma jiġux indirizzati mill-awtoritajiet. 

“Għalkemm jista’ jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn persuni, dan ma jfissirx li għandu jkun hemm vjolenza u li jekk isseħħ il-vjolenza, dan huwa reat u min jirrikorri għall-vjolenza għandu jiffaċċja l-ġustizzja”, temm jappella l-anzjan.

Il-Pulizija bdew bl-investigazzjonijiet

Dan is-sit irrefera dan il-każ lill-kelliem tal-Pulizija, Brandon Pisani, li infurmana li l-Korp jaġixxi fuq kwalunkwe allegazzjonijiet kriminali li jiġu għall-attenzjoni tiegħu. 

L-anzjan qalilna li hu ppreżenta ċ-ċertifikat mediku mill-Isptar Mater Dei lill-Pulizija u li kien fil-fatt identifika lill-agressur. Hawnhekk staqsejna jekk f’każi ta’ agressjoni, il-Pulizija tipproċedix kontra l-allegat agressur fi kwalunkwe każ ta’ agressjoni jew inkella f’dawk ta’ natura gravi jew serja biss. Tlabna kjarifika dwar dan il-punt u spejgazzjoni aħjar dwar il-proċedura u dak li tgħid il-liġi.

Pisani fir-risposta tiegħu qalilna li dwar il-każ imsemmi, il-Pulizija rċeviet rapport, bdew l-investigazzjonijiet bil-partijiet kollha ġew mitkellma mill-Pulizija u mistennija jinħarġu akkużi skont il-liġi. Madankollu huwa kkjarifika li l-Pulizija timxi dejjem skont il-liġi u biex ikunu jistgħu jitteħdu passi, fiċ-ċertifikat ippreżentat lilha jrid ikun hemm ċertifikazzjoni medika tal-gravita tal-ġrieħi li abbażi tagħhom tkun tista’ tipproċedi kontra l-aggressur. 

Huwa temm jgħid li bħal kull każ, meta jkun hemm proċeduri fil-Qorti kemm vittmi, kif ukoll xhieda oħra, jintalbu jidhru quddiem il-Qorti biex jagħtu x-xiehda tagħhom.

Sport