Wednesday, July 24, 2024

La Playa de Arena u Ħamrun Beach Soccer fil-finali

Aqra wkoll

La Playa de Arena u Ħamrun Beach Soccer se jkunu qed jikkontestaw il-finali tan-Nestle Ice Cream Beach Soccer League għalkemm xejn ma sabuha faċli kontra l-avversarji semifinalisti l-oħra.

La Playa de Arena kellhom imorru għall-għoti tal-penalties sabiex eliminaw lil Naxxar Lions. L-iskor sal-ħin regolamentari u anke l-ħin barrani kien ta’ 4-4 sabiex bl-għoti tal-penalties, La Playa rebħu 4-2.

La Playa skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ Indrek Palm, Mantas Makutunovicius, Andre Joe Cutajar u Claudio Venuto filwaqt li Naxxar irrispondew b’doppjetta ta’ Daniel Zerafa, Lydon Micallef u Nicholas Schembri.

Referees kienu Stefania Bonnici, Clinton Cassar u Luca Formosa.

Ħamrun Beach Soccer għelbu lil Ta’ Xbiex Sports Club 8-6. Kienet logħba fejn Ħamrun iddominaw l-ewwel sessjoni għalkemm fit-tieni waħda, Ta’ Xbiex naqqsu l-marġni tal-iskor sabiex baqgħu dejjem fil-logħba. Fl-aħħar mill-aħħar kienu l-Ħamruniżi li kisbu post fil-finali.

David Emanuel Garba kompla jimpressjona għal Ħamrun meta skorja ħames gowls b’Faisal Alnakou, Weverton Gomes u Cheick Kone li komplew iżidu l-iskor għat-tim tagħhom.

Saturday Nanapere skorja tripletta għal Ta’ Xbiex b’Antoine Barbara li kien awtur ta’ doppjetta u b’Ryan Dalli li baqa’ jżomm xi ftit tat-tama għal Ta’ Xbiex.

Referees kienu Luca Formosa, Andrea Naudi u Stefania Bonnici.

Il-finali tan-Nestle Ice Cream Beach Soccer League se tintlagħab nhar il-Ħamis li ġej fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa u tibda fis-6.30pm.

Ekonomija

Sport