Wednesday, July 24, 2024

Kumpanija mmultata 35 miljun dollaru għal moħqrija tal-annimali

Aqra wkoll

Kumpanija li trabbi annimali għal testijiet mediċi ġiet immultata s-somma rekord ta’ 35 miljun dollaru Amerikan wara li nstabet ħatja ta’ ħruxija fuq madwar 4,000 klieb tar-razza beagle li sussegwentement ġew salvati mill-post fejn kienu jinżammu fil-faċilità tal-kumpanija f’Virginia fl-2022.

Il-multa kontra Envigo RMS LLC għall-moħqrija tal-annimali hija l-akbar multa li qatt ingħatat fl-Istati Uniti taħt l-Att dwar il-Benessri tal-Annimali, skont id-Dipartiment tal-Ġstizzja tal-Istati Uniti.

Christopher Kavanaugh, l-avukat tal-Istati Uniti għad-Distrett tal-Punent ta ‘Virginia, stqarr li l-kumpanija Envigo mexxiet ‘l quddiem il-kultura tan-negozju li tagħti prijorità lill-profitt u l-konvenjenza bi ksur sfaċċat tal-liġi.

Il-kumpanija ewlenija ta’ Envigo, Inotiv, qablet li tħallas il-multa rekord u aċċettat ukoll li ma trabbix klieb għall-ħames snin li ġejjin.

Billi wettqet ir-reati li kienet akkużat bihom u billi ma għamlitx it-titjib meħtieġ fl-infrastruttura u ma mpjegatx ħaddiema kwalifikati meħtieġ, il-kumpanija nstabet ħatja li ma laħqitx l-istandards għall-benessri tal-annimali u ambjentali.

Fi stqarrija fuq il-websajt tiegħha nhar it-Tnejn il-kumpanija Inotiv għamlet ukoll apoloġija pubblika għall-ħsara li kkawżata l-imġieba tagħha.

Il-faċilità f’Cumberland għat-tnissil tal-klieb, proprjetà ta’ Envigo RMS, ġiet imħarrka f’Mejju mill-aġenzija federali tad-Dipartiment tal-Ġstizzja tal-Istati Uniti u ġiet akkużatha b’diversi atti ta’ moħqrija tal-annimali.

L-ispetturi sabu li xi klieb kienu qed jinqatlu minflok ma jingħatw kura veterinarja bażika għal kundizzjonijiet li jistgħu jiġu ttrattati faċilment. L-annimali kienu qed jiġu mitmugħa wkoll b’ikel li kien fih dud, moffa u ħmieġ, filwaqt li xi ommijiet li jreddgħu ma ngħataw xejn x’jieklu.

Is-salvataġġ tal-4,000 kelb f’Awwissu 2022 wassal għal sforz nazzjonali minn xelters għall-annimali biex isibu sidien ġodda tal-klieb fl-Istati Uniti.

Envigo kienet ammettiet li kienet ikkonfoffat biex xjentement tikser l-Att dwar il-Benessri tal-Annimali billi naqset milli tipprovdi, fost affarijiet oħra, kura veterinarja adegwata, ħaddiema adegwati u kundizzjonijiet ta għajxien sikuri għall-klieb miżmuma fil-faċilità tagħha f’Cumberland” .

Il-kumpanija oħt, Envigo Global Services Inc, ammettiet ukoll li kisret l-Att dwar l-Ilma Nadif billi ma ttrattatx sew l-ilma tad-dranaġġ li affettwa ħażin is-saħħa tal-klieb u kkontaminazzjoni tal-ambjent.

Il-ftehim jitlob li l-kumpanija tħallas $22miljun lill-gvern Amerikan, kif ukoll tħallas madwar $1.1miljun lill-Virginia Animal Fighting Task Force u madwar $1.9miljun lill-Humane Society tal-Istati Uniti għall-għajnuna tagħhom biex isalvaw il-klieb beagle li kienu qed jinħaqru.

Ekonomija

Sport