Thursday, December 26, 2024

“La rnexxieli jien, anke ħaddieħor jista’ jagħmilha”

- Robert Magro

Aqra wkoll

Robert Magro hu ċiklist ta’ ċertu kalibru li beda b’dan l-isport b’kumbinazzjoni. Għamel diversi snin jilgħab il-futsal fejn l-aħħar tim li kien miegħu huwa Valletta FC. Kien ukoll parti mit-tim nazzjonali li ħa sehem f’diversi logħbiet kemm ta’ ħbiberija kif ukoll kompetittivi fiż-żmien meta dan l-isport beda jsir aktar popolari. 

Illum il-ġurnata, Magro qabad iċ-ċikliżmu fejn sab dak l-isport alternattiv li xorta waħda jtih ħafna sodisfazzjon. Riċentement hu ħa sehem f’kompetizzjoni lokali li ġiet organizzata mill-Malta Mountain Bike Association fl-Imġarr. Hu ipparteċipa fil-kategorija E-Bike wara numru ta’ snin u kien proprju Magro li ħareġ rebbieħ quddiem Kenneth Galea u Keith Bartolo li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Din il-gazzetta kellha intervista ma’ Magro fejn tana iktar dettalji dwar in-namra li għandu lejn dan l-isport.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?

Bħalma taf int, jien lgħabt il-futsal għal diversi snin. Meta bdejt naqbeż it-tletin sena u bdejt inbati minn xi injuries, ridt insib sport alternattiv sabiex fl-istess ħin nibqa’ għaddej. Kont nara lill-ħbieb tiegħi jipprattikaw il-motorbike u wara ħafna drabi li ħajruni nibda dan l-isport, fejn għall-bidu bdejt intella’ u nniżżel, sa fl-aħħar akkwistajt waħda u bdejt biha. Issa ili 14-il sena għaddej f’dan l-isport u verament ninsab kuntent. Jien narah li dan hu l-isport li jgħodd għalija għalkemm qatt ma bsart li kont se nibbrilla fih. 

Int issuq ħafna l-ebike. Iżda x’inhi d-differenza bejn E-Bike u Mountain Bike?

L-ewwelnett E-Bike fih mutur bil-batterija u jassistik fil-qdif tiegħek iżda mbagħad ir-rota ma timxix meta int tilħaq il-25 kilometru fis-siegħa. Hemmhekk l-istess mutur ngħidu li jagħmillek cut-out. Meta ġieli nkun f’biċċa ċatta u tkun tħarriġt biżżejjed tista’ tibqa’ għaddej b’mod normali. Mill-banda l-oħra, il-Mountain Bike trid taħriġ aktar intensiv għax trid taqdef int iżda tista’ tgħid li issa drajt biż-żewġ metodi. Personalment xorta ngħid li nippreferi l-E-Bike.

Xi jfisser għalik li int iċ-champion ta’ Malta taċ-ċikliżmu?

Kif għedtlek aktar qabel, ma kontx qed nobsor li se jkolli daqshekk suċċess f’din id-dixxiplina. L-għan tiegħi kien li nibda dan l-isport għall-gost iżda ftit ftit komplejt nimraħ u fuq kollox intejjeb il-ħiliet tiegħi, xi ħaġa li verament ninsab kburi biha. Kelli sfida iebsa minn żewġt iħbieb tiegħi Kenneth Galea u Keith Bartolo, dwell interessanti li fih spiċċajt għaddejthom. Huma t-tnejn għandhom livell għoli ħafna u ġieli ħriġt magħhom bir-rota u naf kemm verament għandhom għal qalbhom dan l-isport. Fil-fatt tul it-tellieqa li kelli magħhom, huma dejjem kienu mwaħħlin miegħi u kien biss għax żammejt il-pass tiegħi li rbaħt din it-tellieqa.

X’inhi l-opinjoni tiegħek fuq is-sigurta’ fit-toroq Maltin fejn għandu x’jaqsam iċ-ċiklisti li jmorru jipprattikaw u jitħarrġu hemmhekk?

Jekk nibda bil-mountain bike, is-sitwazzjoni mhijiex daqshekk ħażina. Aħna nkunu f’postijiet ‘il bogħod mit-traffiku hemmhekk għalkemm hemm riskji żgħar meta jkun hemm il-kaċċaturi u nies li jkunu mal-familja. Postijiet bħal dawn huma limitati u dejjem tipprova ssib il-ħin u ż-żmien biex tipprattika qabel kompetizzjoni. 

Fejn għandu x’jaqsam ir-rota normali, l-istorja hi ferm differenti. Malta hi miżgħuda bit-traffiku u hemm riskju min-naħa taċ-ċiklist meta jkun qed isuq ir-rota sakemm ma jkunx hemm parti fejn wieħed jista’ joqgħod mingħajr periklu ta’ xejn. Minkejja kollox, il-mentalita’ tagħna lejn iċ-ċiklisti għadha ftit lura u għalhekk mhux faċli li sewwieq jaqsam it-triq ma’ ċiklist.

Kif qed tarah il-futur tiegħek?

Jien nixtieq inkompli nipprattika dan l-isport għax nemmen li jgħod ħafna għalija. Riċentement applikajt sabiex nieħu sehem fil-Maratona taċ-Ċikliżmu ta’ Etna fejn se ssir fi Sqallija l-ewwel darba u fejn se nara wkoll il-progress tiegħi fejn wasal. Din hi maratona rinomata li jieħdu sehem fiha ċiklisti minn madwar l-Ewropa u li jien diġa’ qed nitħarreġ għaliha. Nittamaw dejjem li mmorru tajjeb.

Nixtieqek twassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fl-E-Bike jew il-Mountain Bike.

Iċ-ċikliżmu hu sport ferm alternattiv għal min jixtieq ikompli għaddej b’xi dixxiplina. Kif taf, diversi fiżjoterapisti jirrakkomandaw l-użu tar-rota meta atleta jweġġa’. Jien kont għaddej mill-istess sitwazzjoni u b’kumbinazzjoni sibt ir-rota li għenitni mhux biss biex irkuprajt iżda saħansitra nibqa’ għaddej biha. Jien bdejt bħala gost u spiċċajt nidħol b’mod tekniku u llum ninsab hawn. La rnexxieli jien, anke ħaddieħor jista’ jagħmilha!

Ekonomija

Sport