Wednesday, July 24, 2024

Ladarba saħħtek tagħtik, tiha x’tagħmel – Doreen Polidano

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sports ieħor?

Jien diġá kelli l-passatemp tal-għawm bil-ħarpun is-sena kollha imma dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li nibda niġri imma qat ma kelli opputurtunitá li nibda xi ħaġa li dejjem xtaqt.

Ta’ kemm bdejt tipprattika l-atletika?

Bdejt tal-etá ta’ 58 sena u sitt xhur.

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport? Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Kont waqt ġbid ta’ film bħala extra meta ġejt imqabbda niġri biex nagħmel il- parti tiegħi. Hemm iltqajt ma’ persuna li kienet kowċ u minn hemm, jien bdejt ma’ St Patrick’s Athletic Club #spacmalta.

Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

Kienet l-ewwel tellieqa wara tliet xhur li bdejt meta ġejt l-ewwel fil-kategorija tiegħi li kienet tal-klabb u minn hemm qatt ma ħarist lura u l-iktar kif għalaqt 60 sena ridt nagħti rigal lili nnifsi li nagħmel 42 kilometru u rnexxieli. Fil-jiem li għaddew, għamilt it-tellieqa ta’ Caritas Malta, fejn ġejt l-ewwel u għamilt personal best.

Liema kien l-aħjar riżultat tiegħek sa issa?


Kull tellieqa differenti u ftit li kienu li għamilt l-istess waħda bħala rotta, iżda l-aħjar kienet il-21 kilometru meta sifirt Madrid fejn qatt qabel ma kont irkibt l- ajruplan u sħabi tal-klabb għamluli ħafna kuraġġ biex immur.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Jekk Alla jrid li nibqa’ b’saħħti biex nibqa’ niġri u nieħu sehem f’iktar tiġrijiet.

X’sagrifiċċji / commitments jitlob l-isport li int tipprattikka?

Trid il-ħin kważi ta’ kuljum biex tibqa’ tiġri. Għalhekk trid tagħmel sagrifiċċju li tnaqqas xi ħaġ’oħra biex tlaħħaq mat-taħriġ differenti li jkolli tul il ġimgħa speċjalment meta tasal xi tiġrija.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.

Kull persuna tkun ix-xewqa tagħha li tagħmel ħin tajjeb mal-istess kategorija tagħha, imma dejjem trid iżżom f’moħħok kemm tiflaħ u mhux iżjed. Iżda kull tip ta’ sport issib kompetizzjoni li xi drabi nara li ma jibqax sens ta’ ħbiberija u tinbidel f’mibegħda u b’dispjaċir ngħid li din saret lili personali.

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib?

F’Novembru sejra Ċipru għal 21 kilometru. Din se tkun ir-raba’ darba li se nagħmel il-21 kilometru barra minn xtutna.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.

Għalkemm bdejt kbira niġri imma qatt mhu tard la saħħtek tagħtik, tiha x’tagħmel! Dejjem hemm il-bidu u mhux bilfors f’etá żgħira, iżda li tagħmel xi tip ta’ sport se jgħinek mentalment u fiżikament u tħoss sodisfazzjon personali. Dawk li jaħsbu li mhux tajbin għal xi sport, xorta għandhom jippruvaw għax jekk tixtieq xi ħaġa, bid-determinazzjoni, tasal fejn trid!

Ekonomija

Sport