“Ħajjitna inqalbet ta’ taħt fuq mil-lejl għan-nhar. Filli konna reqdin u filli bdejna nisimgħu l-bombi. It-tfal twerwru bdew jiġru minn kamra għall-oħra jgħajtu ‘hawn gwerra’. Qegħdin naraw u ngħixu l-mewt kull mument.”
Dan iddikjaratu ma’ IT-TORĊA, Laila Kassab, artista Palestinjana, li proprju minn Ottubru ‘lhawn mindu bdiet il-gwerra f’Gaża hi waqfet tpitter u intefgħet b’ruħha u b’ġisimha f’ħidma volontarja fil-kriżi ta’ ġuħ li hemm fiż-żona. Filfatt hi flimkien ma’ oħrajn, impenjaw ruħhom li jipprovdu ikel għal gruppi ta’ persuni.
F’din il-ħidma, ma tistax ma tinnutax l-urġenza ta’ tfal żgħar u ommijiet biex jilħqu lij ikun qed jitqassam. Familji li ilhom ġimgħat jew xhur li telqu minn dajrhom u jmorru jistennew l-ikel b’xi reċipjent li jkollhom. Bħal xi borma jew kazzola. Hemm min lanqas dik m’għandu u jmur jieħu l-ftit ikel li jkun issajjar b’xi kaxxa tal-plastik li fiha jkun ippakkjat il-butir.
U dik li tista’ tidher li hi xi ħaġa żgħira għalihom tfisser ħafna. Tara tfal jiġġennu għal ‘Awama’. Issir mid-dqiq u magħha jiżdied l-għasel, u wara tinqela’ fiż-żejt. Xi ħaġa żgħira u faċli biex issir. Imma l-gwerra f’Gaża anki din ġabitha xi ħaġa mhux daqstant faċli. Borża żgħira bi tlett ħelwiet, hi biżżejjed biex toħloq tbissima fuq wiċċ dawn it-tfal, li jinsabu f’limbu sħiħ. La jafu metą se jirritornaw lejn djarhom, bla futur u f’inċertezza kbira.
U jekk jirnexxielek takkwista xi biċċa laħam, il-problema li għandek hi kif se ssajjarha. It-tisjir qiegħed isir fuq il-ħatab fl-apert.
Ir-reżistenza Palestinjana kienet sorpriża… ma stennejniex li din se ġġib qerda, ġuħ kbir u imwiet
Laila tgħidilna li “s-7 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet kienet ġurnata differenti ħafna minn oħrajn. Wara kull ħaġa f’ħajjitna inbidlet. Ma stennejniex li ħajjitna se tinqaleb ta’ taħt fuq. Konna reqdin u bdejna nisimgħu ħsejjes terribbli. Ħriġna barra u bdejna naraw għadd kbir ta’ rokits li bdew jiġu sparati mir-reżistenza Palestinjana. Dan sar b’risposta għall-aggressjoni ta’ Iżrael f’Ġerusalemm, fejn kienu qegġdin jinqerdu djar tal-Palestinjani, waqt li l-istess Palestinjani ma kienux qegħdin jitħallew jitolbu fil-moskea ta’ Al Aqsa flimkien ma’ atti oħra provokattivi.”
Tgħidilna li “konna kuntenti li r-reżistenza Palestinjana irrispondiet għall-aggressjoni u kulħadd fil-viċinanzi tagħna beda jesprimi sodisfazzjon għal dik ir-reżistenza. Konna inna ħafna inbatu mis-silenzju tal-pajjiżi ta’ madwarna. Ir-reżistenza kienet sorpriża għalina. Ma stennejniex li din se ġġib dak li għaddejjin minnu.”
Il-memorji tal-gwerra ma jistgħux jintesew malajr
“Il-memorji tal-gwerra ma jistgħux jintesew malajr. Bdiet gwerra u magħha beda assedju. Għaddejjin minn tbatijiet kbar. L-okkupazzjoni ta’ Iżrael wasslet biex ingaat l-elettriku. Il-provvista tal-ilma ma baqgħetx tasal għandna. Minn Gaża ma stajtx toħroġ. Inqata l-internet u mezzi oħra ta’ kommunikazzjoni. Ħafna mill-infrastruttura inqerdet.”
Waqaft inpinġi… intfajt fuq xogħol umanitarju
Min jaf lil Laila jew isegwiha, hu konxju tal-pitturi li tagħmel. Pitturi b’messaġġi diversi. Pitturi bi stil uniku fejn jispikka l-kuluri. Imma l-gwerra kif affettwatilha l-arti?
Għal din id-domanda Laila tgħid li “waqaft inpinġi meta bdiet il-gwerra. Mort għal xogħol umanitarju. Ivvolontarjajt biex insajjar u nqassam ikliet sħan lin-nies. Inqassmu anke ħobż għax il-bżonnijiet u n-nuqqasijiet huma kbar. Mhux faċli ssajjar. Dan isir fuq il-ħatab u l-ħobż jiġi moħmi fi fran tat-tafal.”
“Insajru għal xejn inqas minn 3,000 persuna li kellhom iħallu djarhom. Nagħmlu ħlewwiet għat-tfal u anke inqassmu ħxejjex u frott.”
Stejjer tal-waħx ħerġin minn Gaża u mini Rafah
U minn Gaża u Rafah jibqgħu ħerġin b’mod kontinwu stejjer tal-waħx. Filmati u ritratti ta’ tfal żgħar mejjtin. Ommijiet iżommu lil uliedhom bla ħajja. Xeni li Laila, qiegħda taraħhom quddiem għajnejha kuljum.
Proprju fl-aħħar jiem, omm Palestinjana li għamlet aktar minn 11-il sena tipprova biex ikollha it-tfal. Finalment kellha tewmin. Twieldu erba’ xhur ilu. Attakk minn Iżrael fuq Rafah wassal biex it-tewmin u r-raġel tagħha inqatlu.
Kien attakk bi drone fuq tinda f’Rafah. Wara l-attakk tibqa’ f’moħħok l-immaġini tal-filmati. Persuni mitluqin mal-art bla ħajja. Fil-pront jisponta tifel żgħir. Għaraf lil xi ħadd fost il-vittmi u jmur dritt għal fuqu. Immedjatament ikun miżmum minn nies. Attakk li seħħ proprju ftit bogħod minn sptar fein hemm eluf ta’ persuni li qegħdin jieħdu kenn fih.
Rafah spiċċat ippakkjata b’eluf kbar ta’ persuni
Wara l-attakki kontinwi fuq Gaża, ħafna familji ddeċidew li jmorru lejn Rafah. Imma llum anke Rafah tinsab mhedda u attakkata.
Rafah llum hi ppakkjata bin-nies. Din kienet belt żgħir imma llum qiegħda tospita fiha miljun u nofs persuna. Kull spazju li xi ħadd jista’ jużaw biex jagħmel saqaf fuq rasu qed jispiċċa jintuża.
F’din il-belt ma tistax lanqas tivvjaġġa kif trid. It-toroq huma ippakkjati bin-nies iġorru kull tip ta’ affarijiet. Persuni li marru hemm ifittxu l-assistenza. Persuni jfittxu l-ikel.
Ma nistgħux noħorġu minn Gaża… ’maqbudin hawn’
Lil Laila nistaqsuha domanda li qegħdin jagħmlu n-nies fit-triq f’pajjiżna, li ħafna drabi mhumiex daqstant konxji tar-realtà li qegħdin jgħixu l-Palestinjani f’Gaża. Nistaqsuha dwar dan u għaliex ma jmorrux f’pajjiżi ġirien.
Laila, titkellem b’mod ċar u tgħid li “ma nistgħux nagħmlu hekk. Ninsabu maqbudin hawn. Ilna assedjati f’Gaża għal aktar minn 17-il sena.”
Minkejja kollox tispikka ir-reżiljenza tal-Palestinjani. “Irrid nagħmel minn kollox biex insalva lil familti. Anke jekk ma jirnexxilix, irrid inkun żgura li għamilt dak li stajt”, tiddikjara Laila.