Sunday, December 22, 2024

Lamin mingħalih li l-imgħallem kien ħadlu ħsieb il-kuntratt tax-xogħol

Aqra wkoll

Kellu biss ħames minuti brejk

Illum beda jixhed Jaiteh Lamin, l-immigrant mill-Gambja li l-ġimgħa li għaddiet allegatament tħalla mitluq fuq bankina fi Triq Selmun fil-Mellieħa wara li waqa’ madwar żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni. 

Lamin xehed quddiem il-Maġistrat Marseann Farrugia minn fuq is-sodda tal-Isptar Mater Dei fejn qed jingħata l-kura għall-ġrieħi li sofra. Lamin beda jispjega kif huwa ġie Malta f’Mejju 2021 fejn beda jaħdem bħala bajjad. F’Settembru huwa beda jaħdem ma’ Glen Farrugia u l-ħin tax-xogħol tiegħu kien bejn is-6:30 a.m u l-5:00 p.m. Huwa kien jitħallas €50 kuljum. Mistoqsi jekk kienx jingħata brejk huwa wieġeb li kien jieħu ħames minuti biex jiekol.

Dakinhar tal-inċident huwa kien il-Mosta, iżda Farrugia kien sejjaħlu biex jagħmel xi xogħol fil-Mellieħa. Xogħlu kien li jnaddaf is-saqaf u juża krejn biex itella’ blokki tal-konkrit. Spjega dwar il-waqgħa u kif Farrugia qallu biex iċempel għall-ambulanza, iżda Lamin irrifjuta minħabba li beża’ mill-awtoritajiet.

Spjega kif Farrugia ddeċieda li jieħdu hu l-Isptar u li mat-triq qallu li se jħallih hemm u li kienet se tiġi ambulanza. Lamin ikompli li Farrugia qallu biex meta jiġi mistoqsi x’ġara jgħid li kien intlaqat minn karozza. Huwa qal lil Farrugia biex jgħaġġel għax ħassu qed imut u malli waslu ħdejn roundabout kbira Farrugia qallu li se jħallih hemm imbagħad tiġi ambulanza għalih. Spjega dwar l-għajnuna li ngħata u li kien hu li qal lill-pulizija min kien iħaddmu u tagħhom in-numru tiegħu.

Id-difiża tistaqsi lil Lamin

Għall-mistoqsijiet tad-dfiża, Lamin beda biex jiċħad li kellu argument ma’ Farrugia. Rigward jekk kienx intilef minn sensih, huwa wieġeb li l-uġigħ żammu f’sensih. Mistoqsi dwar jekk qattx kien f’ċentru ta’ detenzjoni, Lamin wieġeb li le. 

L-Avukat Debono staqsa lil Lamin jispeċifika dwar il-mument li waqa’ u kif assuma li taħt l-injam li rifes fuqu kienx hemm ħadid. Staqsa wkoll dwar jekk ttiħdux ritratti tas-sit tal-inċident minħabba li l-klijent tiegħu qed jiġi akkużat li kkaġuna ġrieħi lill-vittma imma jeħtieġ jiġi stabbilit jekk weġġgħax minħabba traskuraġni tiegħu.

Dwar kif wasal Malta, Lamin wieġeb li ġie biex iżur neputi li ilu snin hawnhekk u ddeċieda li jibqa’ jaħdem hawnhekk. Jgħid li wara li beda jaħdem kien skopra li l-imgħallem kellu jagħmillu kuntratt tax-xogħol. Kien kellem lil Farrugia u kien mingħalih li dan kien ħa ħsieb.

Ekonomija

Sport