Friday, April 19, 2024

Skema oħra biex in-negozji jwettqu investimenti f’operat sostenibbli u diġitalizzat

Aqra wkoll

Kumpaniji jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna sa massimu ta’ €70,000 biex jimplimentaw proġetti li jwasslu għal proċessi aktar sostenibbli u diġitalizzati, permezz tal-iskema Smart and Sustainable, mħabbra mill-Malta Enterprise.

L-iskema hija intiża biex tinċentiva t-titjib fil-kompetittività tal-intrapriżi u ttejjeb l-użu tar-riżorsi fl-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-Gvern qed ikompli jinċentiva lin-negozji biex ikun ta’ sostenn fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, li tnaqqas l-emissjonijiet u żżid ix-xogħol ta’ kwalità.

Permezz tal-iskema Smart and Sustainable, in-negozji  jistgħu jibbenefikaw minn għotja massima ta’ €50,000 għal kull proġett, fejn dawk eliġibbli se jgawdu minn 50% tan-nefqa eliġibbli. Barra minn hekk, dawk eliġibbli għal din l-iskema jista’ jingħatalhom kreditu ta’ taxxa sa €20,000 għal kull proġett li jissodisfa tal-anqas tnejn minn tliet kriterji. Dawn huma:

  1. Investiment ġdid jew espansjoni f’Għawdex;
  2. Intrapriża li għandha inqas minn tlett snin u għalhekk hija f’ fażi ta’ start-up
  3. Ikun hemm tnaqqis konsiderevoli ta’ karbonju li jkun stmat b’ awditjar independenti mill-intrapriża

F’każ li l-proġett jissodisfa kriterja waħda, l-assistenza bil-kreditu ta’ taxxa jammonta għal €10,000.

Il-Malta Enterprise se tassisti negozji li jridu jagħmlu investiment biex jiffaċilitaw investimenti u modifiki fl-impjant, makkinarju, tagħmir u sapport tekniku speċjalizzat u investiment f’teknoloġiji diġitali.

“Din l-iskema qed tħeġġeġ iktar intrapriżi biex jinvestu fis-sostenibbilità, fejn permezz ta’ investiment u proġetti jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta’ skart, jiżdied l-użu ta’ materjal sostenibbli, iktar proġetti li jinkludu effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-ilma, kif ukoll id-diġitilizazzjoni sostenibbli,” spjegat il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li din l-iskema hija parti mill-pakkett ta’ għajnuna ppreżentat aktar kmieni minn din is-sena, li jammonta għal total ta’ €20 miljun.

“Qed inkomplu nkunu ta’ spalla man-negozji tagħna. Grazzi għal diversi skemi li qed toħroġ il-Malta Enterprise qed inkomplu nipprovdu investiment li jwassal għal proċessi aktar sostenibbli u diġitali. Irridu naraw intrapriżi aktar diġitali, aktar kompetittivi u sostenibbli,” qalet il-Ministru Dalli.

Kurt Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise sostna li din l-iskema li hija parti mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni li ġie mħabbar qabel is-sajf, tara li l-intrapriżi mhux biss qed jiġu mgħejjuna biex jirpiljaw wara l-pandemija, iżda qed jiġu assistiti sabiex jittrasformaw lejn iktar proċessi sostenibbli u diġitali.

“Dan hu l-irwol tal-Malta Enterprise li apparti nattiraw l-investiment ġdid lejn pajjiżna, bl-iskemi kollha tagħna qed niffukaw fuq investiment sostenibbli li jikkontribwixxi fiċ-ċiklu ekonomiku, b’ intrapriżi dejjem iktar sensittivi lejn is-sostenibbilità, sabiex ngħollu l-livell ta’ investiment u anke tal-karrieri. Ix-xogħol tagħna qed jassisti lill-intrapriżi b’ mod iktar ħolistiku u b’ impatt pożittiv fuq l-ekonomija u s-soċjetà` inġenerali,” qal is-Sur Kurt Farrugia.

Il-linji gwida u l-applikazzjoni se jkunu aċċessibbli aktar tard fuq www.maltaenterprise.com.

Għal-aktar dettalji l-intrapriżi qed jiġu mħeġġa jagħmlu kuntatt mal-Business First fuq il-website www.businessfirst.com.mt .

Sport