Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba esprima t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-kumpanija Daniża LEGO li ma tibqax tibgħat prodotti direttament lejn Malta permezz tas-sit uffiċjali tagħha.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Agius Saliba qal li din id-deċiżjoni qed tpoġġi lill-konsumaturi Maltin fi żvantaġġ, hekk kif ikollhom jistennew ġimgħat biex prodotti ġodda jaslu għand id-distributuri lokali, fejn sostna li jinbiegħu bi prezzijiet ogħla.
L-MEP ħabbar li kiteb direttament lil LEGO u lill-Kummissjoni Ewropea biex jitlob spjegazzjoni għaliex il-konsumaturi Maltin qed jiġu trattati b’mod differenti minn dawk f’pajjiżi Ewropej oħra.
Huwa appella wkoll lil dawk li kellhom esperjenzi simili ma’ kumpaniji oħra biex jagħmlu kuntatt miegħu.
