Saturday, December 28, 2024

LEJN AKTAR BIDLIET SOĊJALI

Aqra wkoll

Bdejna sena ġdida. Sena li ħafna qed iħarsu lejha b’ottimiżmu u b’entużjażmu. Sena li wieħed jittama li tkun aħjar minn ta’ qabilha fid-dawl ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra madwar id-dinja, b’tama għal ġejjieni aħjar. F’pajjiżna wkoll iridu jkomplu jitwettqu dawk il-bidliet meħtieġa sabiex il-pajjiż ikompli miexi ‘l quddiem, anke f’dik li hija stabbilità ekonomika.

Hekk kif ninsabu fl-aktar żminijiet delikati fejn id-dinja kollha qiegħda taffaċċja sfidi bla preċedent, il-prijorità tal-Gvern kienet, għadha u se tibqa’ dik li jinżammu stabbli l-prezzijiet tal-enerġija għall-konsumaturi u n-negozji. Minn dan is-sussidju qed jibbenefikaw faxex differenti tas-soċjetà b’mod partikolari dawk meqjusa li jinsabu fil-faxxa t’isfel u li kienu jeħtieġu l-aktar għajnuna.

Dan il-benefiċċju għamilha aktar faċli biex dawn il-persuni, b’mod partikolari l-anzjani tagħna, ma jħabbtux wiċċhom ma’ kontijiet ogħla u għaldaqstant ma jkollhomx piżijiet żejda. Minkejja dan, l-isfida tal-għoli tal-ħajja xorta waħda għadha hemm. Konxju ta’ dan, il-Gvern qiegħed ikompli jagħti l-għajnuna tiegħu, anke permezz tal-miżuri kif imħabbra fil-baġit għal din is-sena.

Nemmnu illi l-2023 se ġġib magħha sfidi ġodda u se tkun is-sena li fiha se nkomplu naraw iżjed bidliet soċjali, li permezz tagħhom igawdu faxex differenti tas-soċjetà. Bidliet li jkomplu jibnu fuq dak li diġà sar taħt Gvern Laburista fl-aħħar snin.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela elenka l-importanza li jintbagħat messaġġ b’saħħtu favur il-ħarsien tal-mara. Nifhmu li sar ħafna f’dan ir-rigward fl-aħħar snin, iżda nemmnu li l-Gvern għandu jkompli jsaħħaħ aktar id-drittijiet tan-nisa. Iżda fuq kollox irridu naraw li titkompla l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika — pjaga li sfortunatament is-sena li għaddiet rajnieha terfa’ rasha iktar.

Filwaqt li nifhmu li kull riforma li titressaq ‘il quddiem trid issir diskussjoni matura dwarha, din għandha tkun b’mod kostruttiv u mhux waħda li toħloq tensjoni jew pika żejda. Għax fl-aħħar mill-aħħar dik id-diskussjoni trid twassal biex jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Dan il-Gvern però wera biċ-ċar li qatt ma beża’ li jbiddel fejn ikun hemm bżonn, anke jekk dik il-bidla tolqot biss minoranza żgħira fil-pajjiż, jew lil min jista’ jkun qiegħed ibati fis-silenzju. Għalhekk aħna fiduċjużi li l-isfidi soċjali se jkomplu jiġu indirizzati, u dan sabiex ħadd ma jitħalla jaqa’ lura fis-soċjetà.

Ekonomija

Sport