Thursday, December 26, 2024

Lejn sistema għar-reġistrazzjoni tal-artijiet iktar ċara, effiċjenti u effettiva

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar li l-Gvern ser iwettaq riforma fis-sistema għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet bil-għan li ssir qabża fil-kwalità ta’ dan ir-reġistru u jibda jitħaddem b’sistema li tkun ċara, effiċjenti u effettiva. Sistema li toffri aktar effiċjenza fis-sistema ta’ trasferimenti ta’ proprjetà f’pajjiżna.

Huwa ħabbar dan waqt li tnieda id-dokument għall-konsultazzjoni pubblika: Strateġija Nazzjonali għar-Riforma fis-Sistema għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet: 2025-2035. Id-dokument tħejja matul dawn l-aħħar xhur  wara diskussjonijiet preliminari ma’ għadd ta’ entitajiet u korpi b’interess f’dan il-qasam u li issa qed jitressaq għal konsultazzjoni wiesgħa biex dawk kollha interessati jipparteċipaw u jagħtu l-fehmiet u suġġerimenti tagħhom dwar dak propost.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li is-sistema għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet li għandna llum, tmur lura ’l fuq minn 40 sena, għal-liġi li kien approva l-Parlament Malti fl-1981, u li kienet daħlet fis-seħħ fil-bidu tal-1982. Minn dakinhar stess, l-għan tagħha dejjem kien li Malta kollha tkun iddikjarata bħala Area ta’ Reġistrazzjoni Obbligatorja, u dan sabiex kull persuna li takkwista proprjetà tkun obbligata li tirreġistra u permezz ta’ dik ir-reġistrazzjoni jinħareġ ċertifikat ta’ titlu.

Madankollu, sal-lum, għad għandna biss 54% tat-territorju Malti li huwa area ta’ reġistrazzjoni obbligatorja, u issa b’din ir-riforma, qiegħda ssir il-mira preċiża li sa għaxar snin oħra, jiġifieri sas-sena 2035, it-territorju Malti u Għawdxi kollu jkun area ta’ reġistrazzjoni obbligatorja.

Il-ministru saħaq li l-viżjoni li għandu l-gvern għal din ir-riforma hija li bis-saħħa li t-territorju kollu jkun area ta’ reġistrazzjoni, ikun hemm aktar ċarezza fil-proċess, kif ukoll li kull persuna li takkwista proprjetà jkollha l-fakultà li tirreġistra u li takkwista ċertifikat ta’ titlu. Dan għandu jżid is-sigurtà u jsaħħaħ fiduċja akbar fis-suq tal-proprjetà. 

Id-dokument li tressaq għall-konsultazzjoni pubblika huwa bbażat fuq ħames pilastri tal-istrateġija:

·       Protezzjoni mill-istat għad-drittijiet fuq art u proprjetà: Sistema ċara ta’ reġistrazzjoni li tipproteġi d-drittijiet ta’ kulħadd u li tinkoraġġixxi l-investiment u tgħin fl-iżvilupp ekonomiku.

·       Protezzjoni effettiva tat-titlu ta’ dawk li huma sidien ta’ proprjetà: Id-drittijiet  fuq proprjetà għandhom  ikunu ċari, infurzabbli u protetti.

·       Fiduċja u trasparenza: Sistema  aċċessibbli li tassigura trasparenza ssaħħaħ d-drittijiet ta’ dawk li huma sidien ta’ proprjetà. Sistema diġitali  onlajn  tiffaċilita aċċess għall-informazzjoni dwar proprjetà u b’hekk ikunu assigurati tranżazzjonijiet aktar siguri.

·       Ċertifikat ta’ Titlu sigur iġib benefiċċji kbar: Drittijiet fuq proprjetà aktar  ċari u aċċessibbli jfisser appoġġ għall-istabbiltà soċjali u t-tkabbir finanzjarju.

·       It-trasformazzjoni diġitali għar-reġistrazzjoni tal-artijiet: Sistema diġitali onlajn għandha tiffaċilita t-tranżazzjonijiet ta’ proprjetajiet u l-kisba tal-informazzjoni dwar proprjetà. Id-diġitalizzazzjoni tagħti trasparenza u aċċess għall-informazzjoni  sabiex  il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun qed jippromwovi l-effiċjenza, il-kontabbiltà u t-trasparenza.

Id-dokument jippreżenta għad-diskussjoni, 18-il rakkomandazzjoni sabiex tintlaħaq din il-viżjoni. Ewlenin fost dawn ir-rakkomandazzjonijiet hemm dik li għandu jiġi aġġornat l-att preżenti li waqqaf ir-Reġistru tal-Artijiet u li f’perjodu t’għaxar snin, it-territorju kollu Malti jsir area ta’ reġistrazzjoni. Id-dokument jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif  tista’ tiżdied il-kwalità u ċertezza taċ-Ċertifikat tat-Titlu ta’ kull proprjetà u kif għandhom jiddaħħlu miżuri biex ikunu definiti aħjar il-konfini ta’ kull proprjetà. Rakkomandazzjoni ewlenija oħra hija biex jinstabu soluzzjonijiet b’aktar ħeffa għall-kwistjonijiet li jinqalgħu permezz ta’ qafas għall-medjazzjoni u arbitraġġ.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li dan id-dokument huwa żvilupp fuq l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar 40 sena li uriet lill-pajjiż x’hemm bżonn isir. “Din hija l-proposta tal-gvern li jrid lil kulħadd jagħti l-fehmiet u s-suġġerimenti tiegħu dwarha biex finalment ikun hemm qbil bl-akbar kunsens possibbli, ħalli din il-bidla nagħmluha flimkien. Nemmnu li wasal iż-żmien li l-pajjiż ikollu sistema ta’ reġistrazzjoni għal-artijiet li tkun ċara, effiċjenti u effettiva li permezz tagħha, kull sid ta’ proprjetà jkollu s-serħan il-moħħ dwar it-titlu tal-proprjetà tiegħu. Bħalma persuna jkollha logbook ta’ karozza li huwa prova li hija s-sid tal-vettura, hekk ukoll irridu li kull sid ta’ proprjetà jkollu ċertifikat tat-titlu b’saħħtu għal-proprjetà tiegħu”, saħaq il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Huwa fisser li dan id-dokument huwa frott ta’ diskussjonijiet preliminari estensivi ma’ diversi stakeholders fosthom il-Kunsill Notarili, il-Kamra tal-Periti, l-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppatturi, l-aġenti tal-proprjetà, il-banek u entitajiet oħra interessati. Issa permezz tad-dokument li qed jiġi varat dan il-proċess ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni se jitwessa’ aktar biex il-parteċipazzjoni tkun waħda mill-aktar wiesgħa. Huwa ppjanat li jiġu organizzati laqgħat pubbliċi għal dawk interessati biex filwaqt li tkun spjegata din ir-riforma, il-gvern ikun qed jilqa’ kummenti u proposti fuqha.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet saret ukoll preżentazzjoni teknika mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet, il-Perit Michelle Piccinino. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, Carlos Tabone u diversi uffiċjali għolja mill-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet u awtoritajiet governattivi fis-settur, u rappreżentanti minn stakeholders interessati.

Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sat-28 ta’ Frar 2025. Id-dokument jinsab aċċessibbli online fuq: https://artijiet.gov.mt/wp-content/uploads/2024/11/LRA-document-20.11.24.pdf. Sottomissjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-pjattaforma ta’ konsultazzjoni online fuq publicconsultation.gov.mt.

Ekonomija

Sport