Sunday, December 22, 2024

L’Equipe Summer League: Macedonia u Leġġendarji jikkonfermaw is-supremazija tagħhom

Aqra wkoll

Macedonia u Leġġendarji AFC baqgħu jikkonfermaw id-dominju tagħhom fl-Equipe Summer League meta baqgħu għaddejjin bit-triq tar-rebħ meta kisbu riżultati pożittivi fil-ħarġiet rispettivi tagħhom.

B’hekk jonqos biss logħba waħda sabiex tispiċċa l-fażi tal-gruppi b’xi timijiet li diġa’ jafu x’se jkun id-destin tagħhom fit-tieni rawnd tal-kompetizzjoni u b’oħrajn li qed ifittxu post fil-kategorija l-aktar prestiġġjuża.

Macedonia ddominaw il-konfront tagħhom minn grupp A kontra Masters R United u rebħulhom bl-iskor ta’ 6-1 bl-iskorer prolifiku Daniel Stojanov ikompli jibbrilla meta skorja hat-trick u żied aktar gowls fil-lista tal-aqwa skorers. Riste Chulupanovski, Filip Jankovic u Ilija Joveski żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Masters R United skorjaw l-uniku gowl tagħhom permezz ta’ Melvin Bellia.

Niupi FC ingħataw rebħa walk-over ta’ 5-0 kontra Flutter li ma ppreżentawx ruħhom għal logħob.

ROA Brothers u FM Interiors għandhom l-intenzjoni li jilagħbu fl-aqwa kategorija fit-tieni fażi hekk kif kisbu tliet punti prezzjużi wara rebħiet ta’ 7-2 kontra Marsaskala u 5-2 kontra All Black.

De Fonseca komplew bil-mument pożittiv tagħhom hekk kif kisbu t-tliet punti għas-spejjeż ta’ Aston Birra meta rebħu 6-1 filwaqt li Kanon Gaming kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun meta rebħu d-dwell tal-qiegħ kontra Ernst and Young 4-2.

Minn grupp B, Leġġendarji AFC kisbu d-disa’ rebħa staġjonali wara li għelbu lil Azzurri bl-iskor kbir ta’ 18-2 sabiex baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika. Davide Martini kien strumentali għal Leġġendarji meta skorja sitt gowls b’Tareq jiskorja ħamsa oħra.

Orthodox Wizards baqgħu jsegwu hekk kif kisbu rebħa faċli ta’ 16-1 kontra Mapfre MSV Life. Orthodox kellhom lil Alexander Ribic f’forma mill-aqwa meta skorja seba’ gowls. B’dawn il-gowls li skorja hu għaqqad u qabeż ir-rekord ta’ mitt gowl kemm ilu jilgħab fl-Equipe Summer League.

Patatanaikos żammew it-tielet post li jista’ jfisser post fl-ogħla kategorija tal-kompetizzjoni wara li għelbu lil CFDS 11-3.

Spartans kisbu rebħa importanti ta’ 4-2 kontra Madballerz filwaqt li La Famiglia ġew miżmuma fi dro ta’ 5-5 minn Spurs.

Fi dwell bejn żewġ timijiet li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika, Pentasia u Dynamo Lynx spiċċaw fi dro ta’ 5-5.

KLASSIFIKA

Grupp A – Macedonia 28, Niupi FC 25, ROA Brothers, FM Interiors 22, Masters R United 21, De Fonseca 15, Flutter, Marsaskala 13, All Black 12, Aston Birra, Kanon Gaming 3, Ernst and Young 0

Grupp B – Leġġendarji 28, Orthodox Wizards 26, Patatanaikos 22, Spartans, La Famiglia 19, Azzurri 15, Madballerz 14, Spurs 13, Mapfre MSV Life 5, Dynamo Lynx, Pentasia 4, CFDS 3

Ekonomija

Sport