Wednesday, October 9, 2024

“Mhux faċli nagħmel kont imma s-sodisfazzjon ta’ dan id-delizzju imprezzabbli għalija”

Joseph Chetcuti - Dilettant tal-minjaturi tal-Knejjes

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“In-namra għall-minjatura bdiet minn ċkuniti. Niftakar sewwa kont għadni daqsxejn ta’ tifel il-mużew u s-Superjur ta’ dak iż-żmien kien tani artal żgħir u bdejt ninteressa ħafna ruħi fil-knejjes fejn saħansitra kont ngħin fix-xogħol tal-knisja mas-Sagristan fil-Mosta. Naħseb nistgħu ngħidu li kollox beda minn hemm. Kont bdejt nibni dan l-artal permezz ta’ oġġetti relatati għal fuqu. 

YouTube video

Ta’ tifel li kont dak iż-żmien kont niffitta mhux ftit lill-ġenituri tiegħi biex joħduni l-Belt biex nara affarijiet sagri u f’minjatura bħalma huma gandlieri, statwetti u l-bqija. Ovvjament ma setax jonqos li lura lejn il-Mosta – għax għalkemm noqgħod Ħaż-Żebbuġ jiena Mosti – qatt ma konna mmorru b’idejna f’idejna għax xi ħaġa taqbel għal ma’ dan l-artal dejjem kont insib.

Dan l-artal dam ħafna għandi sakemm darba tajtu lil ħabib tiegħi peress li f’moħħi kien ilu jberren il-ħsieb li ’l quddiem ikolli xi ħaġa ikbar. Kulma żammejt huma xi gandlieri u fjuretti li għadhom għandi sal-lum. Qabel l-affarijiet kienu mod ieħor, ħafna mix-xogħol kien tat-tafal u xi affarijiet bħall-gandlieri li kienu taċ-ċomb. 

Il-Bambin ried li madwar sitt snin ilu tlajt ir-Rabat Għawdex fejn ġejt mistieden mill-Kumitat tal-Festa Ġesu Ewkaristiku fl-Għasri ġimgħa qabel il-festa titulari biex nippreżenta akkademja mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Għawdxi Antoine Mercieca, bin Amante Mercieca. Qabel din is-serata Amante ġie fuqi b’barżakka f’idu u qalli din għalik. Kif ftaħtha nsib artal tqil maħdum bl-injam u ma ngħidlekx kemm-il darba rringrazzjajtu. Fuq il-vapur stess bdejt nhewden kif se nagħmel minjatura u bl-għajnuna tal-mastrudaxxa prim Żebbuġi Michael Camilleri u wegħdni li jgħinni nagħmel prospettiva f’minjatura sa Mejju 2016 u żamm kelmtu. Bl-għajnuna tal-eks Sagristan tal-Knisja Arċipretali ta’ San Filep Manwel Chircop irnexxieli li fi ftit jiem din tkun irħamata wkoll. Bdejt nixtri ċertu affarijiet bħall-gandlieri u fjuretti… kollox bil-mod anke minħabba l-ispejjeż. 

Din is-sena, fl-okkażżjoni tat-80 sena mill-konvoj ta’ Santa Marija qiegħed inżanżan pittura mas-saqaf xogħol l-artist Żurrieqi Jeremy Cachia. Qiegħed inżanżan ukoll sett ta’ fjuretti t’erbgħa bil-gastri b’kollox kif ukoll it-tantenabru. 

Li naraha lesta hekk huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija. Jien la nixrob u lanqas inpejjep u ħafna mill-ħin liberu tiegħi nħobb nirrilassa hawnhekk. Din il-parti tad-dar biss biss miftiehem mal-mara li nieħu ħsiebha jien bil-ħasil, tfarfir u kollox għax minkejja li għandi ħafna affarijiet, għandi kollox fl-ordni u kollox naf fejn irrid infittxu jekk niġi bżonnu. Il-ftit flus li nwarrab dejjem nara xi nsib ġdid kif qegħdin naraw imma r-rilassament meta nħares lejn ix-xogħol komplut m’għandix kliem biex niddeskrivih. Minbarra l-minjatura, jien dilettant ukoll tal-istatwetti u għandi wkoll numru ta’ statwetti.”

Sport