Tuesday, December 24, 2024

L’Equipe Summer League: Orthodox Wizards u Leġġendarji AFC fil-finali 

Aqra wkoll

Se jkunu Orthodox Wizards u Leġġendarji AFC il-finalisti ta’ L’Equipe Summer League hekk kif il-ġimgħa l-oħra ntlagħbu s-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni. 

Orthodox Wizards xejn ma sabuha faċli meta għelbu lil Macedonia 6-4. Orthodox Wizards kellhom lil Dusan Petrovic awtur ta’ tliet gowls filwaqt li Dusan Stojkovic, Milos Andjelkovic u Jovan Kostic żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom. 

Macedonia, li dejjem kienu fil-partita, kellhom lil Jovanche Angelovski awtur ta’ doppjetta b’Vasko Pupkov u Boban Brndeski jżidu tnejn oħra. 

Anke ċ-champions renjanti Leġġendarji AFC għaddew għall-finali wara li l-avversarji tagħhom Niupi FC abbandunaw il-logħba minkejja li sal-ħin regolamentari l-iskor kien 5-5. B’hekk Leġġendarji għaddew bi skor ta’ 2-0 bl-għoti tal-penalties. 

Fil-ħin regolamentari, il-logħba kienet waħda ferm akkanita biż-żewġ naħat jagħtu qalbhom f’din it-tieni semifinali. 

Alessio Restuccia u Davide Martini skorjaw doppjetta kull wieħed b’Jose iżid ieħor għal Leġġendarji. 

Niupi FC skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetta ta’ Sebastian Nayar, Diego Scuro, Wilhelmin Asiaku u Nenad Stankic.  

Fit-tieni sett ta’ semifinali, din id-darba mill-Meridian Bet Cup, kienu Masters R United u Spurs li waslu għall-finali. 

Master R United għelbu lil All Blacks bl-iskor ta’ 5-3 f’semifinali ferm missielta bi Chris Muscat Role u Charlo Debattista awturi ta’ doppjetta  filwaqt li fit-tieni waħda Spurs għelbu lil La Famiglia 6-5 b’Elidor Kacoli jiskorja tlieta. 

Finalment fid-Decathlon Cup, Flutter kisbu rebħa tajba ta’ 9-3 kontra Aston Birra bi Clyde Bouvet li kien awtur ta’ hat-trick.  

Flutter se jiltaqgħu kontra Pentasia li min-naħa tagħhom ma sabuhiex faċli sabiex eliminaw lil Dynamo Lynx 5-4. Neil Sammut spikka għal Pentasia hekk kif skorja doppjetta personali. 

Ekonomija

Sport