Friday, December 27, 2024

“Lesti nieħdu azzjoni kontra kull wieħed minnhom jew kollha f’daqqa”

Dr Grech u Dr Delia jressqu protest ġudizzjarju

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dr Grech u Dr Delia aktar kmieni llum ressqu protest ġudizzjarju u qalu li l-awtoritajiet huma obbligati jieħdu azzjoni. Dan wara li l-Qorti tal-Appell iddikjarat li fil-konċessjoni tat-tliet sptarijiet kien hemm għemil li sejħu bħala wieħed frawdalenti minn diversi persuni. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia taw ġimgħa żmien lill-Kummissarju tal-Pulizija, lill-Avukat Ġenerali u lill-Avukat tal-Istat biex jieħdu azzjoni fil-konfront ta’ diversi persuni li allegatament kienu involuti fil-ftehim ma’ Vitals dwar it-tliet sptarijiet. 

F’kummenti barra mill-qorti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li dan il-pass ittieħed wara li l-Ħadd li għadda indika li l-Partit Nazzjonalista se jmexxi bi proċeduri legali jekk kemm-il darba l-Kummissarju tal-Pulizija ma jagħmel xejn fi żmien tlett ijiem. Madanakollu Grech qal li huwa evidenti li l-Kummissarju ma jrid jagħmel xejn u qiegħed jitradixxi lill-poplu Malti u għalhekk ma kellhomx għażla oħra għajr li jaġixxu huma. Dr Grech żied jgħid li kien biss il-Partit Nazzjonalista li fittex l-interessi tal-pajjiż u baqa’ jagħmel pressjoni biex issir investigazzjoni u jittieħdu l-passi meħtieġa. 

“Din hija biss l-ewwel azzjoni f’sensiela ta’ azzjoni li qegħdin nirriżervaw kontra kull min jidhrilna li għadna nieħdu azzjoni. Din mhijiex se tieqaf hawn”, temm jgħid Grech.

Min-naħa tiegħu Dr Delia qal li l-Qorti tal-Appell sabet li kien hemm konfoffa ta’ frodi fil-konfront tal-poplu Malti u wara disat ijiem li dawk responsabbli kellhom jieħdu passi, baqa’ ma sar xejn. Huwa qal li l-protest ġudizzjarju jitlob li dawk responsabbli jagħmlu xogħolhom. Qal ukoll li f’dan il-protest elenkaw diversi persuni u kumpaniji li skonthom iridu jirrispondu għal għemilhom fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, politiċi li kienu jew għadhom fil-kabinett, uffiċjali mill-kumpaniji Vitals u Steward u persuni oħra li kellhom sehem fl-għoti tal-konċessjoni. “Irridu nuru li f’pajjiżna, għall-inqas min-naħa tal-Partit Nazzjonalista għad hawn ir-rieda li t-tajjeb jirbaħ”, sostna Dr Delia.

Ekonomija

Sport