Wednesday, October 9, 2024

Tiftħilha dwar attakki online sa mill-għada li ġiet eletta Sindku

… tgħid li s-Sindki għandhom jingħataw l-għażla li jkunu full time

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar iddikjarat fil-Parlament li ma jagħmilx sens li s-Sindki jibqgħu jaħdmu bħala part timers. Hija qalet li jekk tassew nemmnu fil-Kunsilli, għandna naraw li fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż jiġi diskuss abbozz ta’ liġi li jagħtihom l-possibilità li jagħżlu li jkunu Sindki full time. 

Hija għaddiet dan is-suġġeriment waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li se jippermetti li żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jokkupaw il-kariga ta’ Sindku jew Viċi Sindku jekk ikunu eletti u jġibu l-akbar numru ta’ voti. 

Cutajar innotat li b’rabta ma’ dan l-abbozz, saru diversi kummenti kemm minn dawk favur u kemm minn min kien kontra. Qalet ukoll li kien hemm min sfortunatament ipprova jwaqqa’ għaż-żuffjett dan kollu. 

“Iż-żgħażagħ għandhom bżonn l-appoġġ tagħna l-adulti fid-deċiżjonijiet li jagħmlu. Ħassejt li għandi nagħti l-kontribut tiegħi f’din id-diskussjoni bħala persuna li bdejt fil-Kunsilli u anke li servejt bħala Sindku,” qalet Cutajar.

Hija fakkret kif l-għada li ġiet eletta bħala Sindku, li dak iż-żmien kellha 22 sena, sfat vittma ta’ attakki online u kellha dik li sejħitilha bħala l-“baptism of fire”. Qalet iżda li l-politika dik hi, tagħtik fuq wiċċek, taqa’ u terġa’ tqum, trabbi qoxra u tibqa’ għaddej. “Irid ikollok qoxra għax inkella tbati ħafna u ma tagħmilhiex.” 

Insistiet li qiegħda tgħid dan għaliex tassew tixtieq tiftaħ għajnejn dawk il-perusni li qegħdin jikkunsidraw li jagħmlu dan il-pass f’ħajjithom. “Il-politika fiha ħafna manuvrar minn wara l-kwinti, tiltaqa’ ma’ ħafna nies u tista’ wkoll tweġġgħek. Kelli ħafna appoġġ u allaħares ma kienx hekk, għaliex kienet tkun ferm u ferm diffiċli għalija,” qalet Cutajar.

Hija appellat biex minflok naqtgħu qalb iż-żgħażagħ u niktbu fuq il-mezzi soċjali kontra dan l-abbozz, irridu naraw kif tassew nagħtu s-sostenn meħtieġ liż-żagħżagħ tagħna li jiġu eletti. Naraw kif nagħtuhom l-appoġġ meħtieġ filmixja politika tagħhom u mhux nitilquhom għal riħhom f’dik l-età vulnerabbli. “Ma nemminx li l-maturità hi biss kwisjoni ta’ età. Fuq kollox il-politika hi learning curve. Ikollok kemm ikollok żmien titgħallem ta’ kuljum,” qalet Cutajar.

Sport