Monday, December 9, 2024

‘Ir-wrestling hu sport spettakolari, fejn wieħed jesperjenza ħafna affarijiet’ – Scotty 2 Hotty

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

L-eks champion u stilla tal-WWE (World Wrestling Entertainment) Scott Garland, magħruf aħjar bħala Scotty 2 Hotty hu bniedem rispettat ħafna fl-isport tar-wrestling tant li kkompeta għal kważi 20 sena bejn l-1999 u l-2007 f’diversi kategoriji fosthom WWF u WWE. 

L-ewwel togħma ta’ dan l-isport ħadha fl-1998 meta kellu 25 sena u beda jinvolvi ruħu f’diversi avvenimenti kbar li mhux biss kienu juru sew it-talenti tiegħu f’dan l-isport li għal ħafna hu estrem u eżaġerat iżda kien tajjeb ukoll biex jipprovdi divertiment għall-ispettaturi tas-sala u anke għat-telespettaturi fuq is-settijiet tat-televiżjoni.

Il-mumenti meta ftit kien jaqbel mar-wrestler Christopher magħruf bħala Grandmaster Sexy u anke ma’ Rikishi kienu ċertament memorabbli għal dawk li kienu jsegwu r-wrestling lejn l-aħħar tas-snin 90.

Minkejja kollox, Scotty 2 Hotty jibqa’ ikona tar-wrestling mondjali u għadu jiġi segwit permezz ta’ filmati rrekordjati tal-passat sal-lum il-ġurnata.

Scott Garland kien f’Malta fi Frar li għadda fejn laqa’ stedina ta’ Pro Wrestling Malta (PWM) sabiex jiltaqa’ mal-ammiraturi Maltin f’dik li huma sejħulha bħala Meet and Greet, bis-sessjoni li saret fiż-Zurrieq Wolves Club u li fih ukoll sar seminar f’Dojo partikolari.

Bħalissa, huwa reġa’ jinsab f’pajjiżna fejn nhar il-Ġimgħa se jieħu sehem fi ġlieda li se tkun l-ewwel waħda tiegħu f’Malta, ġewwa Montekristo Estate bl-isem tal-avveniment se jkun dak ta’ Pro Wrestling Malta presents: Fall Brawl. Min jixtieq jixtri l-biljetti għal dan l-avveniment, jista, jagħmel dan billi jżur is-sit elettroniku www.pwmalta.com jew iċempel fuq 99273656.

Dan is-sit ħa l-okkażjoni sabiex jitkellem b’mod esklussiv ma’ Scotty 2 Hotty li wera l-karattru ferrieħi u divertenti tiegħu.

X’inhuma l-fehmiet tiegħek fuq il-gżejjer Maltin?

Nammetti li ftit kont naf fuq Malta. Ġieli smajt biha, smajt li hi gżira fil-Mediterran iżda xejn iktar. Issa li ninsab hawn, nista’ ngħid li għamilt l-aqwa għażla possibbli għax minbarra li hi mdawra bil-baħar, fl-istess waqt hawn xenarju mill-isbaħ. In-nies speċjalment dawk segwaċi tar-wrestling, verament tawni merħba mill-aqwa u ninsab kuntent li ġejt hawn.

X’ifisser ir-wrestling għalik?

Ifisser ħafna hux, ifisser ħajti, ifisser li nqatta’ kważi 24 siegħa naħseb fih. Qattajt ħafna żmien f’dan l-isport u minkejja li issa naqqast xi ftit xorta għadni ndur f’diversi pajjiżi u nagħti lezzjonijiet jew preżentazzjonijiet dwar is-sbuħija ta’ dan l-isport. 

Iżda kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn ir-wrestling?

Fis-snin 80 fit-televixin Amerikan kienu juru ħafna xows ta’ dan l-isport. Jien kont insegwihom kollha, kelli r-wrestlers favoriti tiegħi u fuq kollox, kont ngħajjat fuq it-televixin sabiex ir-wrestlers favoriti tiegħi jirbħu l-ġlieda. Issa ħalliha li huma ma kinux jisimgħuni iżda jien kont nidħol litteralment fil-ġlieda.

Meta bdew nitfarfar u għalaqt dawk il-15-il sena, inktibt mal-Cumberland County Civic Centre f’Maine sabiex ngħin f’dak li jkun hemm bżonn sa tibni ring għal affarijiet oħra. Minn hemm bdejt niġġieled u tassew kont inħoss ċerta adrenalina li diffiċli tispjegaha. 

Iż-żmien għadda u għadda u qlibt għar-wrestler professjonali. Sħabu kienu tawni ħafna kuraġġ u rnexxieli saħansitra nwettaq waħda mill-ħolmiet tiegħi li kienet li nipparteċipa fl-Extreme Championship Wrestling fl-1997. B’xorti ħażina kont tlift ma’ avversarju iebes imlaqqam Tazz għalkemm l-unur li pparteċipajt kien kbir.

Kemm hu importanti li barra li tkun wrestler tajjeb, tkun kapaċi fir-rwol ta’ dak li l-Ingliżi jsejħulu ‘entertainer’?

Naħseb li ħafna jindunaw li r-wrestling barra li hu fiżika, saħħa u anke abilita’ li twaqqa’ lill-avversarju, hemm ukoll il-parti divertenti tagħha. Jien bniedem li nħobb nara lil ħaddieħor jiddeverti u spiss qabel ma noħroġ fuq ir-ring, nara li nkun liebes ilbies adattat għall-ambjent li nkun fih. Nemmen li dan hu sport li fih kollox u li jien inħobb inkun fih.

Meta taħseb ilħaqt il-qofol tal-karriera tiegħek?

Naħseb li fis-sena 2000 ilħaqt il-qofol tal-karriera tiegħi. Kelli 27 sena u tista’ tgħid li kont qed nirbaħ ħafna ġlidiet apparti li kelli adrenalina kbira. Nemmen li apparti l-kapaċita’ tiegħi li kelli, xi ftit xorti jkollok ukoll u naħseb li s-suċċess ikun taħlita ta’ kollox. 

Kumbinazzjoni m’ilux iltqajt ma’ xi nies li llum il-ġurnata għandhom ‘il fuq minn 30 sena u li dak iż-żmien kienu għadhom żgħar u kienu jaraw il-ġlidiet tiegħi. Tiskanta kif għaddew 23 sena!

Liema kienu l-kategoriji li kkompetejt għalihom u fejn wasalt bħala livell?

Jien bdejt bil-Light Heavyweight f’April 2000 u kien hemm li avvanzajt saħansitra biex irbaħt id-WWF Light Heavyweight Championship. Niftakar li dakinhar kont irbaħt lil Dean Malenko, avversarju ferm iebes. Niftakar ukoll li dik il-ġlieda kienu rawha miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja.

Barra li rbaħt il-Light Heavyweight Championship, jien kont ukoll Team Champion fid-WWF u WWE darbtejn. Ninsab onorat li wasalt għal dan it-tragward.

Kif inbidel ir-wrestling miż-żmien meta bdejt int għal-lum il-ġurnata?

Jien narah li nbidel ħafna. Hemm ħafna parti atletika fiha u bbażat fuq mossi ġodda li ġew imposti internazzjonalment għalkemm ma nafx jekk dan hux tajjeb jew le.

Jien nara li r-wrestling irid mhux biss ikollok il-ġlieda nnifisha iżda wkoll li tkun kapaċi tħoss l-enerġija tan-nies. In-nies jew aħjar l-ispettaturi jwasslu dik iċ-ċerta enerġija li jagħmlu lir-wrestler ferm motivat u mimli enerġija biex jagħti l-aħjar tiegħu. 

Bħalissa int trainer ukoll ta’ diversi żgħażagħ. X’differenza tara bejn li tkun wrestler għal meta tkun trainer?

Huma żewġ rwoli ferm differenti minn xulxin. Kelli l-lat pożittiv ħafna bħala atleta u issa aktar qed niffoka bħala kowċ biex inrawwem aktar studenti jagħżlu dan l-isport.

Il-gost u l-pjaċir tiegħi nara studenti li kelli u li issa qalbu professjonali u bdew anke jirbħu xi ġlidiet.

Finalment nixtieqek twassal messaġġ lil dawk li huma dilettanti tar-wrestling f’pajjiżna.

Ir-wrestling hu sport spettakolari, fejn wieħed jesperjenza ħafna affarijiet. Hu sabiħ li jibqa’ jikber u jagħti pjaċir lin-nies li jsegwuh mill-qrib!

Ekonomija

Sport