Wednesday, July 24, 2024

Leverkusen inkurunati champions Ġermaniżi mingħajr telfa

Aqra wkoll

Iċ-champions il-ġodda, Ba­yer Leverkusen temmew l-istaġun mingħajr telfa fil-Bundesliga billi għelbu lil Augsburg 2-1, fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat. 

Wara li aċċertaw mir-rebħ tat-titlu għall-ewwel dar­ba fl-istorja tal-club ta’ 120 sena, din l-aħħar partita kienet okkażjoni ta’ ċelebraz­zjonijiet hekk kif quddiem il-partitarji tagħhom stess ġew ippreżentati bil-famuż platt. 

Bla dubju, l-attrazzjoni prinċipali kien il-coach, Xabi Alonso, li litteralment għamel il-mirakli biex waqqaf għal kollox il-monopolju ta’ Bayern Munich li rebħu l-kampjonat għall-11-il darba konsekuttivi. 

Huwa għaraf jgħaqqad team b’saħħtu, tant, li Leverkusen iridu jilagħbu żewġ finali oħra … fit-Tazza Ġermaniża kontra Kaiserslautern, fil-25 ta’ Mejju, u fil-UEFA Europa League kontra Atalanta, nhar l-Erbgħa li ġej, 22 ta’ Mejju. 

Aktar minn hekk, it-team immexxi minn Alonso għadu ma tilef l-ebda partita fil-kompetizzjonijiet kol­lha … u għaldaqstant jinsab żewġ partiti ‘l bogħod biex jirreġistra rekord Ewropew. 

Intant, f’din il-burdata festiva, iż-żewġ goals tagħ­hom ġew skorjati minn Victor Boniface (12) u Robert Andrich (27) filwaqt li Mert Komur (62) wieġeb għal Augsburg.  

Bayern Munich, li kienu mingħajr l-imweġġa’, Harry Kane, spiċċaw il-kampjonat fuq nota mill-aktar diżapputanti meta marru għand Hoffenheim u kontra kull mistenni sfaw megħluba bl-iskor ta’ 4-2. 

Huma tilfu vantaġġ, ta’ żewġ goals Mathys Tel (4) u Alphonso Davies (6) hekk kif it-team ospitu skorja erba’ darbiet mingħajr risposta minn Maximilian Beier (8) u hat-trick minn Andrej Kramaric (68, 88, 87). 

Iż-żewġ timijiet li sfaw relegati huma Cologne u Darmstadt filwaqt li Bochum iridu jilagħbu l-play-off tar-relegazzjoni. 

Ekonomija

Sport