Thursday, December 26, 2024

Lewis Hamilton jista’ jkun parti minn offerta għax-xiri ta’ Manchester United

Aqra wkoll

Is-sewwieq Britanniku tal-Formula Wieħed, Lewis Hamilton, jista’ jkun parti minn offerta biex jinxtara l-club ta’ Manchester United mingħand il-Glazers, minkejja li huwa partitarju ta’ Arsenal.

Il-partitarji tal-United qed jistennew bil-”paċenzja” kwalunkwe aġġornament dwar min jista’ jixtri l-club, wara li fil-ġimgħat li għaddew is-sidien Amerikani tal-club ħabbru li kienu qed ifittxu investiment u potenzjalment bejgħ fil-massimu tiegħu. 

Il-familjari Glaziers issa ilhom 20 sena fit-tmexxija tal-club iżda xejn ma kienu popolari mal-partitarji, tant, li saru bosta protesti biex ibiegħu lill-club. 

It-tluq potenzjali tagħhom jista‘ jkun parti mir-raġuni li mhux se jkun hemm ħafna movimenti fit-tieqa tat-trasferiment ta’ dan ix-xahar, bl-eċċezzjoni li jista’ jiġi ngaġġat l-Olandiż, Wout Weghorst, b’self mingħand Burnley. 

Sadanittant, il-Glaziers qed jitolbu  £7 biljuni biex jitilqu minn Old Trafford liema talba ftit li xejn se tintlaħaq.  

Kien hemm rapporti li konsorzju mil-Lvant Nofsani kien interessat ħafna. Iżda persuna oħra marbuta ma‘ xiri potenzjali tal-club,  hija l-aktar raġel sinjur fir-Renju Unit, u partitarju kbir ta’ Manchester United, Jim Ratcliffe, li bħalissa huwa s-sid ta’ Nice.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ INEOS jista’ jixħet l-offerta tiegħu u jekk dan iseħħ allura Hamilton, jista’ jkun miftuħ biex jingħaqad ma’ Ratcliffe, li għandu 70 sena, f’dan l-investiment.

Il-kumpanija INEOS tisponsorja lit-team tal-Mercedes li Hamilton huwa l-ewwel sewwieq ta’ dan it-team u Ratcliffe huwa wkoll sieħeb ta’ sjieda ugwali tat-team.

Din mhijiex l-ewwel darba li s-seba’ darbiet champion tad-dinja tal-Formula Wieħed ikun involut b’akkwist potenzjali għal club tal-Premier League.

Is-sewwieq ta’ 38 sena, flimkien ma’ Serena Williams, kien parti minn waħda mill-offerti biex jinxtraw lil Chelsea mingħand Roman Abramovich fis-sajf li għadda.

Dak kien tentattiv mingħajr suċċess, b’Todd Boehly eventwalment jixtri l-club, fejn Ratcliffe kien ukoll xerrej potenzjali.

Reċentement, Hamilton ġie msemmi fost l-aqwa 10 atleti l-aktar imħallsa, wara li Cristiano Ronaldo ingħaqad mal-club tal-Arabja Sawdija, Al-Nassr. 

Huwa wkoll it-tieni l-aktar sewwieq tal-Formula Wieħed sinjur ta’ kull żmien, wara Michael Schumacher biss, għalkemm il-ġid tiegħu ċertament ma jlaħħaqx ma’ dak ta’ Ratcliffe.

Ekonomija

Sport