Wednesday, March 27, 2024

Meta jkun fil-gvern il-PL Ingliż se jipprojbixxi t-titjip għal dawk li twieldu wara l-2008

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista Ingliż qed jikkonsidra li meta jkun fil-gvern jintroduċi projbizzjoni tat-tipjip li jagħmilha illegali għal kull min twieled wara l-2008 li jixtri t-tabakk.

Ix-Shadow Minister tas-Saħħa, Wes Streeting, qal li l-Partit se jikkonsulta dwar it-tneħħija gradwali tal-bejgħ tas-sigaretti. Qal li dan “il-ħsieb radikali frisk” jista’ jgħin biex itaffi l-pressjonijiet fuq l-Iskema Nazzjonali tas-Saħħa. Apparti dan, il-Partit Laburista qed iħares ukoll lejn firxa ta’ miżuri oħra biex it-tipjip isir inaċċessibbli.

Il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li twaqqaf lill-ġenerazzjoni li jmiss milli tibda tpejjep.

Reviżjoni indipendenti, li ġiet ippubblikata dan is-sajf, irrakkomandat li tiżdied l-età legali tat-tipjip b’sena kull sena biex titjieb is-saħħa tal-pajjiż. Ministri preċedenti kienu stabbilixxew ukoll objettiv biex l-Ingilterra ssir kompletament ħielsa mit-tipjip sal-2030.

F’intervista li ta lill-BBC, Wes Streeting qal li waħda mill-affarijiet li kienet irrakkomandata lill-Gvern f’waħda mir-reviżjonijiet kienet it-tneħħija gradwali tal-bejgħ tas-sigaretti u żied jgħid li l-Gvern ta’ New Zealand diġà qed jagħmel dan. Fil-fatt, New Zealand mistennija timplimenta liġi ġdida aktar tard din is-sena li twaqqaf lil kull min twieled wara l-2008 milli jixtri s-sigaretti.

Ir-rati tat-tipjip fir-Renju Unit naqsu minn madwar nofs il-popolazzjoni fis-snin 70 għal madwar 15% biss issa. Iżda l-użu nstab li żdied b’25% fost il-persuni taħt it-30 fl-Ingilterra matul il-pandemija tal-Covid, li hija l-ekwivalenti ta’ aktar minn 600,000 persuna ġdida li tpejjep.

Ekonomija

Sport