Saturday, November 23, 2024

“Li nipproteġu t-tfal mill-abbuż għandha tkun l-ewwel prijorità” – L-MEP Josianne Cutajar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

1. Fl-ewwel seduta plenarja wara l-waqfa tas-sajf, tkellimt dwar l-isfruttament tat-tfal. Għaliex?

Għax x’jiswa’ li nagħmlu l-isbaħ u l-aqwa policies jekk qabel xejn ma nindukrawx lit-tfal li telgħin? Fejn it-tfal tagħna u l-futur tagħhom ma jogħqod xejn. Ebda investiment, deċiżjoni jew strateġija ma tiswa jekk qabel xejn ma nkunux assigurajna li fis-soċjetà tagħna t-tfal huma mħarsa. 

Tkellimt fuq l-isfruttament tat-tfal, l-aktar sesswali, fid-dawl ta’ strateġija mill-Kummissjoni Ewropea biex niġġieldu bis-serjetà l-abbuż u l-isfruttament tat-tfal. 

Huwa xokkanti n-numru ta’ rapporti ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal. Allarmanti l-fatt li s-sena l-oħra biss rrapurtaw mas-70 miljun ritratt li fih seta’ kien hemm abbuż sesswali fuq minorenni. 

Jidher ċar li filwaqt li tajnihom ħafna importanza f’ħajjitna biex jagħmluhielnha aħjar, il-mezzi diġitali f’idejn min irid jużahom ħażin huma għodda mill-aktar perikoluża li permezz tagħhom tifel jew tifla faċilment jispiċċaw fil-mira ta’ kriminali. 

Bla tlaqliq għidt fil-Parlament u nerġa’ ngħid li soċjetà li tippermetti l-isfruttament ta’ uliedha hija soċjetà marida. Għalhekk irridu l-ewwel nipprevjenu billi ngħallmu lit-tfal jużaw l-internet u l-mezzi diġitali tajjeb u jkunu attenti minn min jista’ jkollu intenzjonijiet malizzjużi. Nipprevjenu wkoll billi nuru lil min jindokra lit-tfal kif ikun viġilanti u attent. L-awtoritajiet irid ikollhom ir-riżorsi kollha neċessarji biex jaġixxu u jaġixxu malajr biex jipproteġu lil min ikun f’riskju. 

Mhux biss iżda. Illum il-pjattaformi diġitali jgawdu ħafna qawwa fis-suq. Għaldaqstant dik is-saħħa ġġib magħha responsabbiltà lejn min juża s-servizzi tagħhom u jekk dawk jinkludu tfal, mela huma direttament responsabbli li jaċċertaw mill-mekkaniżmi faċli biex vittma tirraporta abbuż u mill-ħarsien ta’ kull min juża dawn l-ispazji, speċjalment it-tfal. 

2. Bir-raġun ingħata ħafna attenzjoni d-diskors tal-President fuq l-istat tal-Unjoni. X’dehrlek?

Ma nistax ngħid li ma kienx diskors li jimlik b’ottimiżmu. Meta tkellimt ma’ membri oħra, ilkoll konna tal-istess fehma li diskors pożittiv bħal dan jimlik b’kuraġġ fil-bidu ta’ sena ta’ ħidma f’nofs pandemija. Laqtitni l-konvinzjoni li biha l-President Von der Leyen indirizzat il-qasam ambjentali, il-miri li poeġġejna quddiemna matul is-sena li għaddiet biex innaqqsu l-emissjonijiet, u allura x’bidliet se naraw fl-industrija u l-muturi tradizzjonali tal-ekonomija Ewropea. 

Laqtitni ħafna d-direzzjoni ffukata li qasmet magħna l-President Von der Leyen fuq l-aspett diġitali. Mill-kliem irridu ngħaddu għall-fatti. Huma tlieta l-fatturi ewlenin f’dan l-ambitu: li naċċelleraw il-proċess fejn jidħlu teknoloġiji ġodda fuq quddiem nett l-intelliġenza artifiċjali, li nqawwu l-kapaċità tal-awtoritajiet u n-negozji Ewropej biex nipproċessaw u naħżnu d-data li niġġeneraw, u fuq kollox li nsaħħu l-infrastruttura diġitali bi prodott Ewropew. Bl-investiment biljunarju li tħabbar, jidher li fix-xhur li ġejjin se nkunu qed nagħmlu passi kbar ‘il quddiem. 

Laqatni li ntqal fuq il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tagħhom u l-wegħda li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tara li x-xogħol ikun iħallas!

3. Semmiet il-migrazzjoni, suġġett jaħraq għal Malta. Kemm ikkonvinċietek?

Issemmiet il-migrazzjoni u ssemmiet b’ċertu enfasi. Smajna diskors li jdoqqilna għal widnejna. Smajna diskors li aħna stess ilna ngħidu u nisħqu fuqu għal ħafna snin. Il-President iddeskriviet il-migrazzjoni bħala sfida komuni għall-Ewropej kollha. Fuq kollox sejħet lill-pajjiżi membri kollha biex ixammru l-kmiem biex nindirizzaw il-kwistjoni tal-migrazzjoni. Qalet ukoll li se naraw enfasi aqwa fuq ripatrijazzjoni ta’ persuni li ma jikkwalifikawx għal ħarsien. 

Il-verità hija li ma nistgħux inkunu sodisfatti b’dan il-kliem qabel ma l-Kummissjoni Ewropea turina x’hemm fil-Patt il-ġdid dwar il-migrazzjoni. Il-fatt li wara snin ta’ sħubija s-sitwazzjoni ggravat u mhux tjiebet għal Malta u Għawdex, ġabna aktar bħal San Tumas, ma nemmnux il-kliem biss qabel ma narawh isir fil-prattika. 

Għaldaqstant it-triq żgur li ma tiqafx hawn biex insibu soluzzjoni fit-tul għal din il-kwistjoni mill-aktar sensittiva imma li qed toħloq sfidi kbar għal ftit wisq pajjiżi. Irridu nkomplu ninsistu fuq soluzzjonijiet li jkunu sostenibbli. Għalxejn nistennew is-solidarjetà mill-membri l-oħra jekk s’issa din rari rajniha. Fil-fehma tiegħi, is-soluzzjoni tinsab, l-ewwel u qabel kollox, f’rilokazzjoni mandatorja. 

4. X’kienet is-sensazzjoni li rritornajtu lura Brussell fil-bini tal-Parlament Ewropew?

Sensazzjoni sabiħa li rritornat forma ta’ normalità fil-ħidma tagħna. Sensazzjoni isbaħ il-fatt li sibna temp sabiħ u sħun fi Brussell li ma tantx huwa normali. Taħsdek l-immaġni ta’ ajruport kwiet biex ma ngħidx silenzjuż b’ħafna mill-ħwienet magħluqin. Tfakkira l-ewwel ħaġa fl-impatt qawwi li kellha u li għad għandha l-pandemija fuq in-negozji u bl-istess mod fuq ħafna u ħafna ħaddiema madwar l-Ewropa. Dik is-sensazzjoni għalhekk, minbarra li tqanqal fija ċertu dieqa tħeġġeġ rieda akbar biex fl-immedjat inkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet anke b’urġenza biex filwaqt li l-pubbliku jibqa’ protett bl-aħjar mod in-negozji joperaw u n-nies jaħdmu. 

 Lanqas is-sitwazzjoni fil-Parlament ma hija normali għal kollox, u hekk għandu jkun. Għandna diversi restrizzjonijiet imposti, qed nosservaw id-distanzi bejn persuna u oħra u bqajna nużaw ħafna l-mezzi diġitali anke biex nivvutaw biex ma jkollniex swali miżgħuda bin-nies. Pero huwa tajjeb li rritornajna anke fiżikament wara l-waqfa għas-sajf u bdejna fuq nota pożittiva. 

5. Kemm idejqek il-fatt li l-Parlament ilu ħafna ma jiltaqa’ fi Strasburgu? 

Din is-seduta plenarja kompluta kompliet turi biċ-ċar kif il-Parlament Ewropew jgħaddi tajjeb ħafna fil-bini tiegħu fi Brussell. Nemmen li wara li adattajna tajjeb ħafna grazzi għall-mezzi diġitali fix-xhur li għaddew din is-seduta plenarja wriet biċ-ċar kif hemm ħafna x’nistgħu niżviluppaw u nbiddlu, saħansitra fl-iskeda tal-Parlament Ewropew, biex niffrankaw ħafna spejjeż u nibdew inressqu l-istituzzjonijiet Ewropej lejn in-nies. 

Sport