Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-taekwondo?
L-imħabba tiegħi għat-taekwondo bdiet tlettax-il sena ilu meta missieri ħadni għall-ewwel sessjoni ta’ taħriġ. Rajt il-faxxinu mhux biss tat-teknika ta’ dan l-isports imma wkoll tal-filosofija tat-taekwondo – id-dixxiplina, ir-rispett, u l-kontroll tiegħek innifsek, li huma l-bażi ta’ kollox. Kont inqatta’ sigħat twal insegwi l-ġlidiet tat-taekwondo u n-knockouts.
X’tista’ tgħid dwar l-unur prestiġjuż li riċentament irbaħt f’Liège, ġewwa l-Belġju?
Li rbaħt l-ewwel post f’Liège fil-Belġju kien unur inkredibbli, u nemmen li kien jixraqli li nikklassifika għax tfajt impenn kbir waqt li qed nipprepara flimkien mal-kowċ tiegħi Gianluca Barbara u wkoll ma’ sħabi tal-klabb. Dan l-unur mhuwiex biss għalija personali, imma wkoll stqarrija li Malta tista’ tikkompeti mal-aqwa fl-Ewropa. Ninsab kburi ferm li nista’ nagħmel parti minn dan il-mument għal pajjiżi.
Kif tara l-livell tat-taekwondo f’pajjiżna?
L-Assoċċjazzjoni Maltija tat-Taekwondo, bi ’l fuq minn 300 atleta, iżommu livell tajjeb u għoli ħafna minkejja li huma żgħar fin-numru. Konxji ħafna li aktar hija importanti l-kwalità u mhux il-kwantità, u kemm l-atleti u anke l-kowċing staff juru dan f’kull kompetizzjoni. Aħna kontinwament nuru l-karattru tagħna, il-potenzjal li nkompli nikbru u għandna ambizzjonijiet kbar f’dan l-isports. Għandna l-opportunità li nkunu l-aqwa fl-Ewropa, u ninsabu determinati li dan iseħħ realtà.
Kif jirnexxilek tlaħħaq mat-Taekwondo u wkoll max-xogħol tiegħek?
Li nsib bilanċ bejn l-isport professjonali u x-xogħol mhux dejjem hija faċli. Ikun hemm bżonn ta’ organizzazzjoni perfetta, li trid tinkludi wkoll il-ħin biex issajjar biex niżgura li qed niekol tajjeb biex inkun nista’ nkompli bl-għanijiet fit-taħriġ tiegħi. Il-ġurnata tiegħi tibda fil-5am u tispiċċa madwar il-11pm wara li nkun lestejt ix-xogħol li jkolli nagħmel. Kultant ikolli nissagrifika l-ħajja soċjali minħabba nuqqas ta’ ħin, imma jiena nibqa’ nagħmel dak li nħobb u nħossni sodisfatt ħafna. Naf li din id-dedikazzjoni hija neċessarja biex niksbu s-suċċess.
Kif tara l-futur tiegħek fit-Taekwondo?
Il-futur tiegħi fit-Taekwondo huwa sempliċi: Nara lili nnifsi b’midalja tad-deheb fl-Olimpjadi, l-ewwel fl-istorja. Iżda din mhijiex xi ħaġa dwar il-midalji biss. Nispera li l-vjaġġ tiegħi jaspira lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar u ngħin biex it-Taekwondo f’Malta jkun aktar rikonoxxut. Nixtieq li nħalli impatt f’dan l-isports, mhux biss fejn jidħlu titli iżda wkoll billi nuri li jekk taħdem u jkollok passjoni tista’ tagħmel affarijiet kbar.
Għaddi messaġġ finali lil dawk kollha li huma interessati li jibdew jipprattikaw it- Taekwondo.
Il-parir tiegħi għal dawk li jixtiequ jibdew jipprattikaw it-Taekwondo huwa sempliċi: Ejja, ippruvah, u tara jekk jogħġbokx. It-Taekwondo ikabbarlek il-kunfidenza, il-koordinazzjoni, u jgħinek biex tibni ħbiberiji, irrelevanti x’inhi l-età tiegħek. Huwa sports li mhux biss isaħħaħ lill-ġisem tiegħek imma wkoll li jibniek b’karattru tajjeb. Jgħallmek il-perseveranza, ir-rispett u biex tibqa’ taħdem biex teċċella – Jagħti lezzjonijiet ta’ valuri, kemm fuq u anke jekk mhux fuq it-tapit (mat).