Saturday, December 21, 2024

Li tfittex l-għajnuna mhuwiex sinjal ta’ dgħufija

Dr Lydia Abela tindirizza Konferenza Internazzjonali dwar is-saħħa mentali

Aqra wkoll

“Li tfittex l-għajnuna biex tindirizza sfidi fis-saħħa mentali mhuwiex sinjal ta’ dgħufija.” Kien dan il-messaġġ importanti li mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela għaddiet meta indirizzat konferenza internazzjonali fi Brussell dwar is-saħħa mentali organizzata mill-Kummissjoni Ewropea u indirizzata fost oħrajn ukoll mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Margaritis Schinas, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel Stella Kyriakides u r-Reġina Mathilde tal-Belġju.

Dr Abela rrimarkat li fiż-żmien li ġej se tagħti viżibilità lil inizjattiva importanti fl-iskejjel dwar għajnuna tanġibbli fl-iskejjel dwar kif żgħażagħ jindirizzaw is-saħħa mentali. Dr Lydia Abela saħqet li rridu nsaħħu l-kuxjenza favur is-saħħa mentali u s-soċjetà jkollha iżjed għarfien. Qalet li proġetti fost tfal u żgħażagħ jgħinu biex jintlaħaq dan l-għan filwaqt li tiġi miġġielda l-istigma li teżisti fuq dan is-suġġett.

“Persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali għandhom ikollhom vuċi u l-istess opportunitajiet”, aċċennat Dr Lydia Abela anki fil-preżenza tad-Direttur Reġjonali tal-WHO fl-Ewropa Hans Henri P. Kluge. Qalet li s-servizzi fil-komunità huma importanti u jgħinu biex ħadd ma jitħalla jbati u jsofri waħdu. Dr Lydia Abela nnutat il-ħidma ta’ bosta għaqdiet mhux governattivi u f’kuntest ta’ konferenza internazzjonali rrimarkat għal iżjed impenn u appoġġ lejn dawn l-organizazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea.

Irrimarkat ħidmet anki Special Olympics Malta li hija l-President tagħha u saħqet kif din tgħin żgħażagħ jilħqu l-potenzjal tagħhom fl-isport, għodda oħra importanti favur il-ġid tas-saħħa mentali tan-nies. Fil-fatt fi tmiem l-indirizz tagħha, Dr Lydia Abela introduċiet lil Gilmour Borg, atleta ta’ Special Olympics li wkoll tkellem waqt din il-konferenza. Borg tkellem dwar il-kunfidenza li bena fi Special Olympics, li għenitu jagħmel suċċess f’ħajtu. Qal li l-prevenzjoni ta’ sfidi ta’ saħħa mentali hi prattikata bl-aktar mod tanġibbli f’ħidmet Special Olympics Malta.

Ekonomija

Sport