Thursday, February 20, 2025

Li tkun plejer ta Valletta huwa unur kbir, u li rnexxieli nkun captain ta’ dan il club tfisser ħafna għalija – Brandon Paiber

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bdiet minn mindu kont żgħir, peressli missieri Cesar kien plejer tal-futbol. Dejjem kont bil-ballun viċin tiegħi minn etá żgħira u meta kont qed nikber kont immur it-taħriġ tal-klabbs tiegħu u dejjem kont narah jittrenja u l-ħolma tiegħi kienet dik li nsir plejer tal-futbol professjonali. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Valletta FC.

Hija tassew esperjenza mill-isbaħ. Dejjem kelli f’moħħi li nkun plejer tal-klabb tal- Belt. Li tkun plejer ta’ Valletta huwa unur kbir, u li rnexxieli nkun plejer tal-Belt u captain ta’ dan il-klabb tfisser ħafna għalija.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Bdejna dan l-istagun bi grupp ta’ plejers u amministrazzjoni ġdida. Qed nagħmlu xogħol tajjeb mill-bidu tal-istaġun, għad baqa’ u li baqa’ hija l-itqal partí tal-kampjonat, imma nemmen li qegħdin fit-triq it-tajba.

M’hemmx dubju li t-tragward taghkom huwa dak li tirritornaw fil-Malta Premier billi tirbħu l-BOV Challenge League, hux hekk?

Ovvjament, l-istorja ta’ dan il-klabb glorjuż tikkmanda li kull kompetizzjoni li tilgħab fiha, tirbaħha. Dan l-istaġun it-tragward tal-klabb huwa dak li jirritorna fil- Malta Premier billi nirbħu l-BOV Challenge League, u nagħmlu l-aħjar li nistgħu fil-kompetizzjoni tal-Meridianbet FA Trophy.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Thane Micallef?

Il-kowċ Thane Micallef huwa persuna professjonali ħafna, li jaf x’għandu jagħmel u li jipprepara l-logħob fl-aħjar forma possibli. Għandu tmexxija tajba ħafna li jaf kif jimxi mal-grupp tal-plejers.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Nemmen li l-livell tal-futbol Malti huwa wieħed tajjeb! Ma naqbilx li ħafna plejers Maltin ma jsibux posthom fit-tim minħabba l-għażla ta’ plejers barranin imma fl-istess ħin, il-Malti li jkun ta’ livell iġibu kemm iġibu barranin nemmen li xorta jirnexxielu jsib postu fit-tim. Tiġi minnek kemm int lest tiġġieled għal postok u tikkompeti mal-plejers li jiġu minn barra minn xtutna biex tkun tista’ tilgħab b’mod regolari.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ovvjament il-ħsieb tiegħi huwa dak li nibqa’ nilgħab sakemm ġismi jkun jiflaħ. Jien kuntent … li nilgħab il-futbol hija l- passjoni tiegħi mindu kont żgħir imma naf li fil-futur inkun irrid nibqa’ involut fil- futbol u l-pożizzjoni tiegħi naraha jew fil-kowċing jew bħala ‘scouting recruitment’.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, kif ukoll ieħor lill-partitarji numerużi ta’ Valletta FC.

Messaġġ li nista’ ngħaddi huwa dak li ħadd ma jagħtik xejn b’xejn fil-futbol … dak kollu li tista’ tikseb huwa dak li int tistinka u taħdem għalih. Dejjem emmen fil- kwalitá tiegħek u dejjem aħdem iktar biex dak li tixtieq fil-futbol tkun tista’ tilħqu. U lill-partitarji tal-Belt ngħidilhom grazzi talli baqgħu warajna. Huma l-qalb ta’ dan il- klabb u huma jagħtuna s-saħħa u l-kuraġġ biex noħorġu għal kull logħba. Wasal iż-żmien biex in-nies tal-Belt jerġgħu igawdu, u dak se jirnexxi jekk nibqgħu għal ma bqajna dan l-aħħar żmien jiġifieri kollha flimkien! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport