Tuesday, June 23, 2026

‘Lija Athketic huwa klabb speċjali għalija … għandi rispett kbir lejn kulħadd hemm u se nagħti kollox biex nerġgħu nirnexxu flimkien’ – Joseph Galea

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Joseph Galea reġa’ nħatar bħala kowċ ta’ Lija Athletic FC, klabb li miegħu bena storja ta’ suċċessi u promozzjonijiet matul snin ta’ ħidma kontinwa.

Wara staġun ma’ Santa Lucia FC, il-kowċ li għandu l-liċenzja tal-UEFA Pro irritorna bħala head coach tat-tim tal-kbar għal dak li hu meqjus bħala t-tieni kapitlu importanti fil-karriera tiegħu ma’ Lija.

“Fir-ritorn tiegħi ma’ Lija Athletic ninsab kuntent ħafna,” beda jgħid Galea lil dan is-sit f’intervista li għamilnilu riċentement. “Dan huwa klabb li tani sodisfazzjon kbir fil-passat u nħoss li għad hemm ħafna x’nagħti u x’nikseb miegħu.”

Id-deċiżjoni li jerġa’ jingħaqad mal-klabb ma kinitx waħda diffiċli għalih, speċjalment minħabba l-familjarità mal-ambjent u l-identità sportiva ta’ Lija Athletic. “L-ambjent naf x’inhu. Naf il-klabb, naf in-nies, u naf ukoll il-livell ta’ impenn li hemm bżonn. Huwa pjaċir tiegħi li nerġa’ mmur lura.”

Qabel ir-ritorn tiegħu, Galea għadda minn esperjenza differenti ma’ Santa Lucia FC, stadju li huwa jiddeskrivih bħala wieħed ta’ tagħlim kontinwu.

“Wara disa’ snin ma’ Lija, kienet esperjenza ġdida għalija. Ħdimna f’ambjent differenti ħafna, inkluż bidla minn president Malti għal wieħed barrani,” spjega.

Minkejja l-isfidi, Galea jgħid li l-esperjenza kienet pożittiva u edukattiva. “Kien hemm intoppi, speċjalment f’Jannar, imma sa dak il-punt konna bdejna niġġieldu għal mat-Top 8. Kien hemm mumenti fejn l-affarijiet ma marrux kif xtaqna, iżda b’mod ġenerali kienet esperjenza fejn tgħallimt ħafna.”

Huwa żied li l-livell tal-plejers kien imħallat, iżda b’potenzjal: “Il-barranin xtaqu jagħtu aktar, u l-Maltin kienu tajbin ħafna. Fl-aħħar mill-aħħar, kull pass li tagħmel bħala kowċ jgħallem xi ħaġa ġdida.”

Issa lura ma’ Lija Athletic FC, Galea qed iħares lejn sfida ċara iġifieri l-promozzjoni għal BOV Challenge League. Madankollu, huwa jaf li t-triq mhix faċli.

“L-objettiv huwa dejjem il-promozzjoni, imma mhu faċli xejn fil-BOVChallenge League,” qal b’mod realistiku. “Din hija kompetizzjoni diffiċli ħafna, fejn kulħadd jista’ jegħleb lil kulħadd.”

Galea jara din ir-ritorn bħala opportunità biex jerġa’ jibni fuq dak li diġà wettaq mal-klabb, fejn rebaħ promozzjonijiet u anke kien champion tal-kampjonat.

“Din hija sfida li għoġbitni. Naf x’hemm bżonn biex nirnexxu hawn. L-ambjent, il-klabb u l-mentalità huma familjari għalija.”

“Għandna staff tajjeb ħafna u organizzat. Dan jgħin biex il-proċess ikun aktar stabbli u professjonali,” spjega.

Galea jemmen li l-koerenza fl-istruttura teknika hija essenzjali biex klabb bħal Lija jikkompeti fil-livell għoli. “Fil-futbol modern, mhux biss il-kowċ jagħmel id-differenza, imma t-tim kollu madwaru.”

Meta mistoqsi dwar il-futbol Malti b’mod ġenerali, Galea kien realistiku dwar id-diffikultajiet.

“Il-futbol Malti qed jinbidel, imma għad hemm sfidi kbar. Il-kompetizzjoni qed issir aktar diffiċli u trid tkun kontinwament ippreparat,” qal.

Huwa semma wkoll l-importanza tal-konsistenza u l-professjonalità. “Jekk trid tirnexxi, trid tkun stabbli. Mhux biss fuq fil-grawnd, imma wkoll barra minnu.”

Galea, li għandu l-UEFA Pro Diploma kif semmejna diġa’, jemmen ħafna fit-tagħlim kontinwu u l-iżvilupp tekniku.

“Kull esperjenza, anke jekk tkun diffiċli, int titgħallem xi ħaġa. Il-futbol huwa triq ta’ tagħlim kontinwu,” qal.

Huwa żied li l-esperjenza tiegħu ma’ klabbs differenti għenuh jikber bħala kowċ: “Kull klabb għandu kultura differenti, u trid tadatta ruħek għal dan.”

“Il-futbol illum inbidel ħafna u trid tkun dejjem aġġornat,” kompla Joseph Galea. “Il-livell tal-kompetizzjoni fiċ-Challenge League hu wieħed fejn kull żball tista’ tħallas għalih b’mod għoli, u għalhekk il-konsistenza hija kruċjali.” Huwa spjega kif l-esperjenza tiegħu ma’ Santa Lucia għenitu jifhem aktar il-bżonn ta’ adattament rapidu u komunikazzjoni ċara mal-plejers.

“Tgħallimt li kultant mhux kollox imur kif tippjana, imma trid tibqa’ kalm u ssib soluzzjonijiet.” Galea semma wkoll l-importanza ta’ struttura teknika soda fil-klabb:

“Meta jkollok staff organizzat, ix-xogħol isir ħafna aktar effiċjenti u l-plejers jibbenefikaw.” Huwa enfasizza li r-ritorn tiegħu ma’ Lija Athletic mhuwiex biss sentimentali, iżda proġett sportiv b’għan ċar. “Ma ġejtx hawn biex inħares lura, imma biex nibni futur kompetittiv u nilħqu l-objettivi tagħna flimkien.”

Galea temm jgħid li l-appoġġ tal-partitarji huwa kruċjali fil-mixja ta’ Lija Athletic. “Meta jkollok is-segwaċi warajk, jagħtuk enerġija żejda f’mumenti diffiċli. Irridu noħolqu momentum pożittiv mill-bidu tal-istaġun u nibnu fuqu pass pass,” qal il-kowċ b’determinazzjoni fuq il-proġett il-ġdid tiegħu.

Filwaqt li l-enfasi immedjata hija fuq l-istaġun li ġej, Galea jibqa’ jħares fit-tul.

“L-iskop tiegħi hu li nibni tim kompetittiv u stabbli. Irridu nkunu hemm sa l-aħħar fil-ġlieda għall-promozzjoni,” qal b’ċertezza.

Huwa temm billi rringrazzja lill-klabb u lill-partitarji: “Lija Athketic huwa klabb speċjali għalija. Għandi rispett kbir lejn kulħadd hemm u se nagħti kollox biex nerġgħu nirnexxu flimkien.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport