Tuesday, June 23, 2026

Jared Micallef jirbaħ deheb għal Malta fil-Kampjonat tal-Atletika tal-Balkani

Aqra wkoll

Tmiem il-ġimgħa memorabbli għall-atletika Maltija hekk kif l-atleta Jared Micallef rebaħ midalja tad-deheb fit-800m fil-Kampjonati tal-Atletika tal-Balkani li saru f’Volos, fil-Greċja, biex kiseb wieħed mill-aktar riżultati internazzjonali importanti għal Malta f’dan l-istaġun.

Din kienet l-ewwel midalja tad-deheb waqt dawn il-Kampjonati minn mindu Malta ssieħbet f’dan l-avveniment ta’ profil għoli fl-2021. Micallef temm it-tellieqa tiegħu f’ħin ta’ 1:46.93. Fl-istess avveniment, prestazzjoni b’saħħitha anke għal Isaac Bonnici f’rekord nazzjonali ġdid fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena b’ħin ta’ 1:51.82.

F’Volos kien hemm numru ta’ prestazzjonijiet tajbin minn atleti Maltin fosthom Omar El Aida Chaffey, Graham Pellegrini, Thea Parnis, Claire Azzopardi, Jordan Pace, Nathan Myers, Martha Spiteri, Josepha Micallef u Mireya Bugeja f’numru ta’ avvenimenti differenti.

Intant f’Malta, Athletics Malta organizzat is-seba’ Challenge Meeting tal-istaġun fejn Nicolai Bonello kiser ir-rekord nazzjonali tal-polevault b’4.86m, u saħansitra mar ferm viċin fit-tentattiv tiegħu għal 4.91m. Fost it-tfajliet, Ella Borg Degiorgio kisbet rekord ta’ taħt is-16-il sena b’qabża ta’ 3.01m.

Fit-trakka, Ben Salnitro ġera l-110m hurdles f’ħin ta’ 14.04s, li fisser mhux biss rekord nazzjonali ta’ taħt l-20 sena iżda li permezz tiegħu kwalifika għall-Kampjonati Dinjija tal-istess kategorija.

F’aktar avvenimenti fi tmiem il-ġimgħa impenjattiv għall-atleti Maltin, waqt it-Track Nights fi Vjenna, Gabriel Farrugia reġa’ għal darb’oħra tejjeb ir-rekord ta’ taħt it-23 sena tal-5000m għal 14:31, filwaqt li Dillon Cassar, rebaħ il-heat tiegħu f’ħin ta’ 14:28, l-aħjar ħin tiegħu f’din id-distanza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport