“Ħallietna Vinċenza Micallef l-aħħar Maltija li twieldet u għexet snin tfulitha fit-teatru Manoel. In-neputi tagħha għarrafni b’ din l-aħbar ta’dieqa ftit ħin ilu. Laqtuni diversi esperjenzi li qaltli meta intervistajtha waqt Fuq Fomm Kulħadd fuq Calypso Radio.” Hekk kiteb il-preżentatur tal-istess programm George Cremona fuq il-midja soċjali.
Jgħid li “fost dawn qaltli li ħafna jgħidu li raw xi ħares fIt-teatru Manoel imma hi qatt ma rat xejn. Irrakkontatli ukoll dwar meta fit-teatru Manoel kien jintlagħab il-boxing. Fil-gwerra ommha tant kienet tħossha komda fil-Manoel li waqt l-airraids kienet tgħidilhom: Nibqgħu hawn ma mmorrux ix-xelter. Jaqa’ l-Manoel, naqgħu aħna miegħu. B’xorti tajba ma waqax u Vinċenza għexet ħajja twila.”
Cremona jkompli jgħid li anke kienet qasmet miegħu memorji ta’ meta wara li kien jagħlaq it-teatru u l-familja kienet tagħlaq il-bibien, ġieli uħud kienu jiġu lura jħabbtu għax kienu jinsew iċ-ċwievet fit-teatru.
“Strieħ Vinċenza. Inwiegħdek li bix-xandir u l-kitba se nibqa’ nfakkar lis-semmiegħa u l-qarrejja dak li għallimtni meta kellimtek – x’ġojjell hu t-Teatru Manoel,” itemm jikteb il-preżentatur George Cremona.

