Tuesday, June 23, 2026

Andy Mangion … minn plejer li skorja aktar minn mitt gowl għal wieħed mill-aktar mexxejja amministrattivi ġodda tal-futsal Malti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Ftit plejers fil-futsal Malti jistgħu jiftaħru b’karriera daqshekk konsistenti u ta’ suċċess bħal dik ta’ Andy Mangion. Matul 14-il sena fil-logħba, huwa bena reputazzjoni bħala wieħed mill-aqwa plejers Maltin, magħruf għall-kalma tiegħu, il-kapaċità li jiskorja mumenti deċiżivi u l-professjonalità li dejjem wera kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu.

Imwieled fit-12 ta’ Ġunju tal-1989, Mangion sar sinonimu mal-kuluri ta’ Luxol St Andrews, klabb li miegħu għex l-aqwa mumenti tal-karriera tiegħu. Għal disa’ snin sħaħ kien wieħed mill-pilastri tat-tim u eventwalment anke viċi-captain, fejn għen lil Luxol jiddomina x-xena tal-futsal Malti permezz ta’ diversi kampjonati u trofej.

Wieħed mill-aktar mumenti memorabbli tiegħu wasal f’Jannar tal-2022 meta skorja l-100 gowl tiegħu bil-flokk ta’ Luxol, kisba li għamlitu biss it-tieni plejer fl-istorja tal-klabb li laħaq dan il-livell. Sena wara, matul l-istaġun 2022/23, huwa kellu waħda mill-aqwa staġuni tiegħu, fejn skorja 13-il gowl u kkontribwixxa b’numru kbir ta’ assists sabiex Luxol rebħu l-ħames kampjonat konsekuttiv tagħhom.

Il-wirjiet eċċellenti tiegħu ma għaddewx inosservati. Fil-fatt, rebaħ il-premju tal-Enemed Premier Futsal Player of the Month fi Frar tas-sena 2023, qabel ma ngħata wkoll l-ogħla unur individwali fil-futsal lokali, dak tal-Aqwa Plejer Malti tal-Futsal għall-istaġun 2022/23.

Barra mill-kampjonat lokali, Mangion irrappreżenta lil Malta b’distinzjoni mat-tim nazzjonali tal-futsal. Kien preżenza regolari f’partiti internazzjonali u fil-kwalifikazzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew, filwaqt li wkoll irrappreżenta lil Luxol fil-UEFA Futsal Champions League. Fost l-aktar mumenti li jibqgħu mfakkra hemm id-doppjetta tiegħu fir-rebħa ta’ 3-1 kontra l-Irlanda ta’ Fuq.

F’Awwissu tal-2025, wara 14-il sena ta’ suċċessi u emozzjonijiet, Andy Mangion ħabbar l-irtirar tiegħu mill-logħba. Madankollu, l-imħabba tiegħu lejn il-futsal ma spiċċatx mal-aħħar partita tiegħu.

Fil-fatt, illum qed jibda kapitlu ġdid fil-karriera tiegħu wara li ġie maħtur Segretarju Ġenerali tal-Futsal Malta Association għall-perjodu 2026-2029.

F’intervista ma’ dan is-sit, Mangion spjega li l-ħsieb li jidħol fl-amministrazzjoni ilu jimmatura f’moħħu għal dawn l-aħħar xhur.

“Fl-aħħar xhur bdejt nikkunsidra l-possibbiltà li naċċetta kariga fi ħdan il-FMA. Ħassejt li seta’ jkun mod tajjeb kif nibqa’ nagħti kontribut lill-futsal u fl-istess ħin inrodd lura ftit mis-sodisfazzjon li tani l-isport tul il-karriera tiegħi bħala plejer,” qalilna.

Għalih, il-ħatra mhijiex biss unur personali, iżda wkoll opportunità biex jagħmel differenza reali f’ambjent li jaf sew.

“Il-ġimgħa li għaddiet ġie elett eżekuttiv ġdid u l-aspirazzjonijiet huma ħafna. Diġà hemm diversi inizjattivi li nbdew mill-kumitat ta’ qabel u rridu nkomplu nibnu fuqhom.”

Mangion ma naqasx milli jirringrazzja lill-amministrazzjoni preċedenti għall-ħidma tagħha.

“Sar ħafna xogħol tajjeb. Għandna pjattaforma tajba li fuqha nistgħu nibnu. Ovvjament, dejjem jibqgħu l-isfidi u l-pressjoni sabiex intejbu aktar is-sitwazzjoni.”

Wieħed mill-akbar sfidi li jara quddiemu huwa dak tal-infrastruttura.

“Għandna nkomplu naħdmu biex insibu soluzzjonijiet għall-isfidi infrastrutturali li jiffaċċjaw il-klabbs tagħna. Dan jista’ jsir biss permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-FMA, l-istakeholders kollha u entitajiet oħra.”

Huwa jemmen bis-sħiħ li l-futsal Malti ma jistax jaffordja li jitlef l-enerġija jew ir-riżorsi tiegħu.

“Aħna pajjiż żgħir u l-komunità tal-futsal hija wkoll relattivament żgħira. Ma nistgħux naħlu r-riżorsi tagħna. Irridu naħdmu flimkien sabiex inkomplu nkabbru dan l-isport.”

Skont Mangion, il-fatt li ħafna minn dawk involuti fil-futsal jagħmlu dan grazzi tal-imħabba tagħhom lejn il-logħba għandu jitqies bħala saħħa kbira.

“Kull min hu involut fil-futsal qiegħed hawn għax iħobb il-logħba. Din hija l-ikbar forza tagħna. Dik il-passjoni rridu nibqgħu nibnu fuqha biex il-futsal ikompli jikber u jilħaq livelli ġodda.”

Bħala Segretarju Ġenerali, huwa jrid jara ambjent fejn il-klabbs kollha jkollhom l-istess opportunitajiet biex jiżviluppaw.

“Nemmen li wieħed mir-rwoli ewlenin tal-FMA huwa li noħolqu kundizzjonijiet li jagħtu l-istess opportunitajiet lil kulħadd. Il-klabbs kollha qed jagħmlu l-massimu tagħhom u jixirqilhom l-appoġġ meħtieġ biex ikomplu javvanzaw.”

Mangion saħaq ukoll fuq l-importanza li l-futsal ikompli jattira aktar żgħażagħ lejn l-isport. Huwa jemmen li hemm ħafna talent lokali li għadu ma ġiex sfruttat biżżejjed u li, permezz ta’ aktar investiment fil-livell taż-żgħażagħ, il-futsal Malti jista’ jkompli jsaħħaħ il-bażi tiegħu għas-snin li ġejjin.

Fl-istess ħin, huwa jixtieq jara aktar kollaborazzjoni bejn il-klabbs, il-kowċis u l-amministrazzjoni, sabiex jinħoloq ambjent aktar professjonali u sostenibbli. Skontu, is-suċċess tal-futsal Malti jiddependi fuq il-ħila ta’ kulħadd li jaħdem flimkien għal viżjoni komuni u fit-tul.

Minn plejer li skorja aktar minn mitt gowl għal wieħed mill-aktar mexxejja amministrattivi ġodda tal-futsal Malti, Andy Mangion qed jibda sfida differenti iżda bl-istess mentalità li akkumpanjatu tul il-karriera kollha tiegħu: dedikazzjoni, umiltà u xewqa li jara l-futsal Malti jkompli jikber.

U jekk il-kontribut tiegħu fil-court kien wieħed memorabbli, issa għandu l-opportunità li jħalli marka oħra, din id-darba minn wara l-kwinti, fil-qalba tal-amministrazzjoni tal-isport li tant iħobb.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport