Hekk kif dalgħodu fil-Qorti bdiet tinstema l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Ali Ahmed Elmushraty, Libjan ta’ 31 magħruf bħala “Lilu l-King”, il-Qorti ddeċidiet li Ahmed għandu jibqa’ jinżamm arrestat.
Ali Ahmed Elmushraty kien mixli b’akkużi relatati ma’ evażjoni tat-taxxa u b’involviment fi gruppi ta’ krminalità organizzata dwar traffikar ta’ droga. Il-Pulizija waslet għal Libjan permezz ta’ operazzjonii f’proprjetajiet li saru fi xtutna.
Fil-bidu tal-kumpilazzjoni xehed Spettur mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga li ismu ma’ jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti qal li waqt l-operazzjoni li saret mill-Pulizija, l-akkużat kien ġie arrestat fir-residenza tiegħu fis-Swieqi. Huwa xehed li l-Puliziija osservat li kienet għaddejja attività suspettuża relatata mad-droga u l-akkużat intlemaħ b’arma tan-nar.
L-istess Spettur qal li Ahmed kellu status ta’ refuġjat, iżda fil-verità kien jgħix ħajja lussuża mingħajr ebda reġistrazzjoni. Huwa rrimarka li l-Libjan kien jidher jilbes ħwejjeġ tad-ditti u li kellu diversi karozzi lussużi. Ix-xhur iddikjara li minkejja dan kollu, Ahmed qatt ma rreġistra mad-Dipartiment tat-Taxxi.
Fir-rigward ta’ meta l-Libjan ġie arrestat, l-Ispettur qal il-pulizija sabet kwantità ta’ droga, fosthom kannabis, kokaina, MDMA u ċavetta ta’ karozza Mercedes. Meta mistoqsi dwar il-ħajja lussuża u x’kien jagħmel Ahmed, l-Ispettur qal li l-Libjan kien maniġer ta’ stabbiliment ta’ divertiment f’Paceville bi sħab ma’ xi ħadd ieħor. Mix-xhieda ħareġ wkoll li huwa kien dieħel bi sħab biex imexxi club ieħor.
Fil-kontro eżami li sar mill-Avukat difensur Franco Debono, l-Ispettur ikkonferma li minkejja s’issa għad m’hemmx lok għal l-akkużi speċifiċi, kollox jindika li l-akkużi huma dwar il-konnessjonijiet ma’ traffikar tad-drogi.
Min-naħa tiegħu, l-avukat Franco Debono fil-Qorti għamel argument, fejn qal li m’hemmx akkuża speċifika dwar pussess sempliċi u aggravat dwar drogi.
Meta l-Ispettur kien mistoqsi mid-difiża dwar ir-reati finanzjarji u l-proprjetajiet ta’ Lilu l-King, huwa qal li b’kollox l-akkużat għandu ħames tipi ta’ karozzi differenti u li kollha kemm huma ma għandhomx reġistrazzjoni f’Malta.
Dwar it-tranżazzjonijiet, ingħad li l-akkużat għandu qraba l-Libja u negozju tal-propjetà f’dan il-pajjiż. Qal li kien involut fl-importazzjoni ta’ karozzi mill-Olanda u esportahom lejn il-Libja. L-ispettur ikkonferma li l-investigazzjoni ħadet tliet xhur u l- akkużat ma ngħatax iċ-ċans li jġib xi invoices bħala provi. Mill-investigazzjonijiet jirriżulta li l-appartament f’Portomaso kien ta’ ħabib tiegħu u ma kienx iħallas biex jgħix fih.
Fil-Qorti xehdet ukoll, Ufficjal minn Transport Malta li kkonfermat li karozzi bi pjanċi Libjani jistgħu jdumu f’Malta sa massimu ta’ seba’ xhur sakemm jiġu rreġistrati. Madankollu, hija spjegat li jrid ikollok permess li jittieħed sa massimu ta’ 30 jum mill-wasla tal-karozza f’Malta.
Fil-kontra eżami, l-Avukat Debono ffoka fuq dak li sejjaħ bħala supożizzjonijiet tal-pulizija, suspetti infondati u affarijiet mhux ikkonfermati b’ċertezza. Fost dawn semma’ allegazzjonijiet bħal dik li l-akkużat daħal basket u ħareġ b’ieħor u sostna li m’hemmx provi ta’ tranżazzjoni jew li kien hemm xi traffikar.
Wara li saret it-talba biex l-akkużat jingħata l-ħelsien il-Qorti pproseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet l-istess talba u ordnat biex Ali Ahmed Elmushraty jibqa’ jinżamm arrestat.