Saturday, December 21, 2024

Limbu

Aqra wkoll

Minn ALFRED SANT

Ħabib tiegħi qagħad jagħmilli lista’ ta’ każi msemmija li waslu sal-qorti u baqgħu hemm. Hi twila. Tirrelata ma’ każi li qajmu skandlu dwar korruzzjoni, abbuż ta’ poter, frodi jew atti kriminali konnessi ma’ nies magħrufa, l-aktar fil-politika (imma mhux biss) jew mal-qraba tagħhom.

Donnu li l-fatt li l-każi nqabdu f’limbu ġudizjarju jikkomforta lil kulħadd. Jagħti m’hemmx għalfejn ngħidu, s-sentiment dwar pajjiżna li fih, kollox jgħaddi.

Issa wieħed bilfors jaħseb li l-mod kif jitmexxew il-każi fil-qrati jiddependi mill-ħeġġa u r-rieda tal-ġudikanti biex imexxu. Peress li mhux darba, membri tal-ġudikatura esprimew ruħhom b’mod iebes lejn l-eżekuttiv u l-politiċi dwar l-istat tad-dritt, kont nistħajjel li dwar das-suġġett delikat, jieħdu passi. Ma jidhirx li ġara jew qed jiġri hekk.

F’intervista li ta dil-ġimgħa, l-eks-charge` d’affaires Amerikan f’Malta Schapiro b’mod diplomatiku, għamel referenza għal dil-problema. Semma wkoll it-tul esaġerat li jieħdu l-każi mtellgħa quddiem il-qrati Maltin biex jinqatgħu… meta jinqatgħu.

***

IL-KUNSILL EWROPEW

Id-diskussjonijiet bla tmiem fi ħdan il-Kunsill Ewropew tal-aħħar jiem ma tawx stampa sabiħa tal-Unjoni Ewropea. Aktar u aktar bl-istejjer dwar kif fit-taħdit li sar kien hemm min innervja u min sabbat.

Issa s-suġġett kien fost l-aktar importanti li dwaru setgħu jittieħdu deċiżjonijiet – il-fond li l-Ewropa teħtieġ biex timmonta sforz qawwi ta’ rkupru ekonomiku bħala tweġiba għall-ħerba li ġabet magħha l-imxija tal-corona virus; u magħqud ma’ dan, il-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin.

Ili ħafna nsemmi kif b’mod ekonomiku u soċjali, fiż-żona tal-ewro… jew anke fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, minflok konverġenza, fejn kulħadd iqarreb lejn kulħadd, qed tikber id-diverġenza. Issa, jidher li l-istess qed jiġri fuq livell politiku.

***

HUAWEI

Ftit aktar minn sena ilu, id-dipartiment tas-sigurtà fir Renju Unit, inklużi s-servizzi sigrieti, kienu kkonkludew f’rapport li ma jkun hemm l-ebda theddida għas-sigurtà tal-pajjiż, jekk il-kumpanija Ċiniża Huawei tiddaħħal fil-ħidma maħsuba biex tiddota lis-sistemi tal-internet Brittaniċi bl-aktar teknoloġija avvanzata.

L-Istati Uniti li jridu jqanfdu lil Huawei barra mis-suq dinji għal din it-teknoloġija, lmentaw bil-qawwa. Ir-Renju Unit issa ħabbar li Huawei se jiġu esklużi milli jieħdu sehem f’dak li biħsiebhom iwettqu. Ovvjament, biċ-Ċiniżi mneħħija, it-triq hi miftuħa għall-Amerikani.

Niddubita kemm b’hekk ir-Renju Unit se jkollu garanzija ta’ sigurtà akbar. Wara kollox, ftit anqas minn sentejn ilu jekk niftakar tajjeb, l-Amerikani nqabdu li kellhom sistema mill-aktar sofistikata ta’ spjunaġġ fuq il-mexxejja Ewropej. Fosthom il-kanċellier Merkel: fejn l-Amerikani sabu mezz kif jissemmgħu kull ma kellha xi tgħid fuq anke l-aktar telefownijiet sigrieti tal-kanċellerija.

Ekonomija

Sport