Tuesday, May 14, 2024

Lista turi l-ammont ta’ flus li jiksbu l-politiċi Amerikani mill-NRA

Aqra wkoll

Wara l-ħsibijiet u t-talb li jsiru wara kull massakru ta’ nies fl-Istati Uniti, xi ħaġa oħra li qed tiċċirkola bħalissa madwar l-Istati Amerikani kollha hija kemm flus qed idaħħlu fi bwiethom politiċi Amerikani mingħand l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tar-Rifle (NRA). Għal ħafna ċittadini, dawn huma dollari maħsula “fid-demm” minħabba s-sors li ġejjin minnu – l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tar-Rifle.

Is-Senatur Republikan, Mitt Romney, irċieva $13,647,676 mill-NRA fl-2019, skont il-Brady Campaign to Prevent Gun Violence. Warajh hemm is-senatur Richard Burr ta’ North Carolina li rċieva xejn inqas minn $6,987,380.

L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tar-Rifle topponi kull restrizzjoni u riforma dwar l-użu u l-armi fl-idejn u għalhekk tkompli tagħti ammonti kbar ta’ flus lil-leġiżlaturi bit-tama li dawn ukoll jopponu miżuri ta’ kontroll tal-armi.

Il-Kampanja Brady għall-Prevenzjoni tal-Vjolenza bl-Armi, fl-2019 ġabret lista ta’ senaturi Repubblikani li aċċettaw l-aktar flus kontanti mill-NRA.

Fil-quċċata tal-lista, wara li rċieva aktar minn $13-il miljun, hemm is-Senatur Mitt Romney ta’ Utah. Rigward l-​isparatura fl-​iskola taʼ Texas, Romney kiteb: “In-​niket jaħkem lir-​ruħ. Tfal maqtula. Ħajjiet maħsuda. Ġenituri b’qalbhom maqsuma .. noffri talb u kondoljanzi, imma naf li huwa inadegwat għall-aħħar. Irridu nsibu tweġibiet”. Iżda kittieba li tikkontribwixxi għal The Atlantic, Jemele Hill, wieġbet lil Romney u qaltlu li: “It-tweġiba li tfittex hija l-flus li tkompli tieħu”.

Fil-lista ta’ Brady Campaign jissemmew diversi senaturi Repubblikani magħrufa li rċevew flus mill-NRA, fosthom Mitch McConnell ta’ Kentucky li għal bosta snin kien il-Kap tar-Repubblikani fis-senat, kif ukoll Ted Cruz ta’ Texas u Randy Paul ta’ Kentucky.

Sport